Thursday, April 18, 2024

Emenda li tiċċara l-irwol tal-OHSA f’inkjesti fejn ikun hemm inċidenti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament bdiet tiġi diskussa emenda fil-Kodiċi Kriminali li se tagħti poteri lill-uffiċjali tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ikunu parti mill-inkjesti maġisterjali fejn ikun hemm inċidenti. Sal-lum, dawn ma kinux jitħallew jidħlu sakemm ikun hemm maġistrat jinvestiga.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzro Azzopardi, li ressaq dan l-abbozz, stqarr li huwa fatt li fil-prosegwiment ta’ indaġni maġisterjali, il-ħtieġa tal-uffiċjali tal-OHSA hi ta’ benefiċċju għall-istess inkjesta.

Dan hekk kif hija l-awtorità kompetenti li tinvestiga inċidenti bħal dawn u li għandha kompetenzi ta’ għarfien mill-uffiċjali tagħha dwar il-liġi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. “Dan huwa mezz kif naraw li nagħtu aktar riżorsi lil awtorità biex tkun tista’ tmexxi l quddiem dak meħtieġ fl-indaġni u aktar għajnuna lill-Maġistrat bl-għarfien li għandha l-awtorità bil-parteċipazzjoni tagħha.”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li sabiex biex jiġi ċċarat l-irwol tal-OHSA f’inċidenzi bħal dawn, inħasset il-ħtieġa, anke minħabba l-esperjenzi li rajna fl-20 sena jkun hemm din l-emenda biex jiġi ċċarat xi rwol għandu jkollha l-OHSA f’dawn it-tip ta’ inkjesti.

“L-OHSA qed tingħata lok li tkun parteċipi fl-inkjesta fil-mument meta jkun qed isir l-aċċess. L-emenda titkellem mod ċar ta’ preżenza tal-uffiċjali waqt l-aċċess. Qed ngħidu li jrid ikun hemm dik l-emenda biex naċċertaw x’inhu l-irwol tal-uffiċjali tal-OHSA fil-qafas ta’ dik l-inkjesta li tkun qiegħda issir,” huwa żied jgħid.

“Nemmnu illi biex inkomplu nsaħħu l-infurzar tal-liġi f’dan ir-rigward hemm bżonn li l-OHSA jkollha l-irwol tagħha f’dawn it-tip ta’ każijiet aktar definit. Naturalment kull min ikun f’inkjesta dejjem hemm obbligi li jridu jiġu rispettati.

“L-awtorità f’dan il-każ qed ikollha parteċipazzjoni fl-aċċess u x-xogħol li tkun qiegħda tagħmel u l-parteċipazzjoni tagħha jkun parti eventwalment mill-atti tal-inkjesta. L-iskop ewlieni tagħna huwa li f’pajjiżna jkollna qafas dejjem aktar b’saħħtu fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol,” kompla jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Fl-aħħar nett, huwa qal li f’dan il-qasam sar ħafna xogħol però għad fadal xi jsir. Qal li rridu nikkonvinċu lil aktar nies dwar l-importanza li wieħed jirrispetta, bl-aktar mod ċar, ir-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

“Dan li nixtieq li nagħmel. Li x-xogħol kollu li sar tul dawn l-aħħar snin inkomplu nsaħħuh biex ninstigaw aktar il-ħtieġa ta’ iżjed prevenzjoni, ta’ aktar rispett lejn dawn il-liġijiet, li jkollna għarfien li l-mod kif għandhom isiru l-affarijiet huma li jirrispettaw il-liġjiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Ekonomija

Sport