Wednesday, April 24, 2024

Djologu kostanti mal-partijiet interessati mill-MFA biex jiġu assiguarti kompetizzjonijiet mtejba

Aqra wkoll

L-istrateġija tal-Malta FA tinkludi objettiv importanti li jiffoka fuq it-twassil ta’ kompetizzjonijiet domestiċi kompetittivi u sostenibbli. Wara riforma fl-2020 tal-qafas regolatorju tal-isport u aktar reċentement permezz ta’ bidliet fir-regolamenti tal-Liċenzjar tal-Klabbs, il-Malta FA għal darb’oħra qed titlob lill-istakeholders ewlenin tagħha biex jikkontribwixxu bil-pożizzjoni tagħhom fuq diversi kwistjonijiet tal-futbol li se jkunu l-bażi għall-analiżi fil-ġimgħat li ġejjin.

L-istudju se jitmexxa mill-Kumitat tal-Partijiet Interessati tal-Assoċjazzjoni, forum li jiġbor flimkien l-istakeholders ewlenin tal-futbol Malti, biex jiddiskutu u jaħdmu flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet possibbli fuq suġġetti ewlenin li jkollhom impatt fuq il-pajsaġġ tal-futbol fil-pajjiż.

Il-kumitat li se jkun ippresedut minn Dr Cory Greenland u jinkludi wkoll lis-Sur Michael Calleja bħala rapporteur tiegħu, huwa wieħed konsultattiv u għandu jistudja u jiddiskuti kwistjonijiet direttament ma’ diversi partijiet interessati fil-futbol lokali, jiġifieri l-Malta Premier League (MPL), l-Challenge League u Kumitati Permanenti tal-Lega tad-Dilettanti, il-Gozo Football Association (GFA), il-Malta Football Players Association (MFPA), il-Malta Football Coaches Association (MFCA), il-Malta Football Referees Association (MFRA) u oħrajn li jirrappreżentaw lill-partitarji, is-settur tal-grasroots u l-futbol taż-żgħażagħ, u l-ġenituri tal-plejers żgħażagħ.

L-ewwel inkarigu jinkludi stħarriġ li se jalimenta diskussjonijiet li jippermettu lill-Malta FA tkun f’pożizzjoni aħjar biex tistudja l-impatt li ċerti deċiżjonijiet jista’ jkollhom fuq l-eko-sistema tal-futbol qabel ma tipproponi xi tibdil.

Dan il-proċess huwa parti minn sensiela ta’ riformi estensivi li kienu u għadhom qed isiru mill-Assoċjazzjoni, bil-għan li tinkiseb governanza aħjar fit-tmexxija tal-futbol fil-livelli kollha tal-piramida fl-aħjar interess kollettiv tal-futbol f’Malta.

Sport