Emma Grech u Raissa Camilleri huma l-ewwel tim femminili fl-istorja ta’ Malta li rnexxielhom jikkwalifikaw għall-Kampjonati tad-Dinja fl-isport tal-HYROX f’Mejju li ġej ġo Manchester.
Dawn iż-żewġ atleti, minkejja li ilhom tliet xhur biss f’dan l-isport, irnexxielhom jikkwalifikaw għall- Kampjonati tad-Dinja mhux darba iżda tliet darbiet infila. L-ewwel tiġrija tagħhom seħħet f’Jannar li għadda fejn irrenkjaw fit-tmien post minn 300 tim b’ħin ta’ 1.07.45. Emma u Raissa kienu sodisfatti immens b’dan ir-riżultat, peró, riedu juru li dan ir-riżultat ma kienx ‘beginners luck’, għalhekk tliet ġimgħat wara, iddeċidew li jitilgħu Vjenna sabiex jerġgħu jikkompetu.
Din id-darba l-isfida kienet itqal minn dik ta’ Manchester, għaliex tnejn biss setgħu jerġgħu jikkwalifikaw. Ċertament, huma reġa’ rnexxielhom għat-tieni darba, fejn temmew fit-tieni post overall b’ħin ta’ 1.06.30. Din ma waqfitx hawn. Fit-18 ta’ Marzu 2023, dawn iż-żewġ nisa qawwew qalbhom, ħadmu lejl u nhar, u reġgħu kisbu suċċess ieħor f’Barcelona fejn reġgħu telgħu fuq il-podju, ikkwalifikaw għall-Kampjonati tad-Dinja u rnexxielhom jerġgħu inaqqsu l-ħin tagħhom bi kważi tliet minuti b’ħin totali ta’ 1.03.42.
L-uniku objettiv ta’ dawn iż-żewġ kampjonessi huwa li jitfgħu rashom hemm għall-Kampjonati tad-Dinja.