Saturday, April 27, 2024

It-tfal jinkwetaw anke minn età żgħira ħafna

Studju fost tfal bejn it-tliet u s-sitt snin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul is-sajf li għadda, The Malta Foundation for the Wellbeing of Society u The Malta Trust Foundation, ikkollaboraw flimkien fuq inizjattiva bil-għan li titqajjem kuxjenza u tagħti aktar saħħa lit-tfal ta’ età żgħira biex ikollhom ħiliet tul il-ħajja u jkunu jistgħu jipprevjenu kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Dan b’mod partikolari sabiex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu stressanti u ta’ ansjetà għalihom. 

Din l-inizjattiva, li kienet l-ewwel tax-xorti tagħha f’pajjiżna, ħadu sehem fiha xejn inqas minn 260 tifel u tifla li l-età tagħhom tvarja bejn it-3 u s-6 snin, u li ġejjin minn nazzjonalitajiet iżda fil-maġġoranza tagħhom huma tfal Maltin, u li għandhom abbiltajiet differenti.

Minn din l-inizjattiva ħareġ li t-tfal, anke minn età daqshekk żgħira, diġà jinkwetaw bil-ħajja ta’ madwarhom. Instab li t-tfal jinkwetaw dwar il-familjari u anke l-annimali tagħhom.

Jinkwetaw ukoll dwar il-gwerer jew meta xi ħadd jgħajjat magħhom, meta jagħmlu xi ħaġa ġdida għall-ewwel darba jew ikollhom ħafna x’jagħmlu u ma jkollhomx ħin biżżejjed biex jagħmlu dan, u meta jsibuha diffiċli li jikkomunikaw ma’ ħaddieħor minħabba l-lingwa. 

Meta kienu mistoqsija dwar kif ilaħħqu ma’ dawn is-sitwazzjonijiet, it-tfal wieġbu li l-appoġġ mingħand il-ġenituri tagħhom huwa importanti ħafna għalihom.
Xi wħud semmew li jagħmlu l-eżerċizzju u oħrajn billi jagħmlu xi ħaġa li tagħmilhom kuntenti fosthom billi jilagħbu, ikunu aktar kreattivi u jżommu ruħhom attivi.  

Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza li ttellgħet il-Ġimgħa fl-Istitut Kattoliku, il-Floriana, mill-President Emeritu u Chair tal-Fondazzjoni.  Il-konferenza kienet organizzata minn Mater Boni Consilii St Joseph School Paola, b’kollaborazzjoni ma’ Minds Ahead UK u Leeds Becket University. 

F’diskors li għamlet il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, qalet ukoll li din l-inizjattiva issa tinsab fi stadju fejn grupp ta’ esperti u akkademiċi qegħdin jevalwaw dawn ir-riżultati sabiex isiru r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.
Hija sostniet li l-intervent bikri huwa essenzjali sabiex jiġi indirizzat ir-riskju b’rabta mal-isfidi ta’ saħħa mentali li jistgħu jiżviluppaw aktar tard matul il-ħajja, peress li r-riċerka turi li persentaġġ qawwi ta’ sfidi ta’ saħħa mentali fiż-żgħożija jibdew minn kmieni fil-ħajja.

Ritratt: Roger Azzopardi

Hija għamlet referenza wkoll għall-proġett Blossom mmexxi minn The Malta Trust Foundation, u li għandu l-għan li jipprovdi servizzi ta’ counselling fl-iskejjel. 
Qalet li fl-iskejjel fejn qed jitħaddem dan il-proġett, qed tinstab  medja ta’ bejn 20% u 26% tat-tfal li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ counselling.

“Tassew nemmen li quddiem dawn ir-realtajiet, li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna qed jaffaċċjaw, żgur li hemm bżonn ta’ approċċ ħolistiku, b’ħidma flimkien mal-istakeholders kollha, biex titfassal strateġija u jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, sabiex eventwalment ikunu żviluppati policies b’saħħithom, bir-riżorsi importanti kollha,” tenniet il-President Emeritu Coleiro Preca.
 

Sport