L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ordnat li siġra taż-żnuber li ġarrbet ħsarat estensivi waqt xogħlijiet fit-triq fil-Pietà tiġi kkumpensata bit-tħawwil ta’ siġra oħra tal-istess tip li tkun diġà matura.
L-inċident ġie rrappurtat lill-ERA, li minnufih bagħtet uffiċjali tagħha fuq il-post sabiex iwettqu spezzjoni u jevalwaw il-ħsarat li sofriet is-siġra.
Waqt l-ispezzjoni ġie kkonfermat li s-siġra kienet ġarrbet ħsarat estensivi fl-għeruq tagħha kawża tax-xogħlijiet li kienu qed isiru fit-triq.
Fid-dawl tal-ħsarat, l-Awtorità kkonkludiet li s-siġra ma setgħetx tibqa’ tinżamm u għalhekk kellha titneħħa.
Madankollu, bħala kumpens għat-telf ta’ din is-siġra, l-ERA ordnat li titħawwel siġra oħra taż-żnuber li tkun matura.
Barra minn hekk, l-Awtorità kkonfermat li se tinħareġ multa b’rabta mal-inċident.
