Monday, May 13, 2024

Erba’ offerti għall-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbru żvilupp ġdid fil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, hekk kif illum għalqet is-sejħa għal parteċipazzjoni fi pre-qualification questionnaire (PQQ) li Infrastructure Malta ħarġet f’Jannar 2020 u estendiet sal-lum wara talba mill-offerenti prospettivi. B’kollox kien hemm 4 offerenti, magħmula minn 2 konsorzji u 2 kumpaniji minn diversi pajjiżi differenti, inkluż Malta.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan il-Gvern għal darb’oħra qiegħed iwettaq dak li wiegħed u qed naraw aktar progress fuq proġett li se jkun qiegħed jagħti opportunitajiet aktar ugwali lill-Għawdxin. Illum kellna l-aħbar li għalaq l-istadju tal-pre-qualification questionnaire u kellna 4 offerenti. Dan huwa pass ieħor ’il quddiem favur aktar konnettività, infrastruttura ta’ kwalità għal kulħadd u faċilitajiet ġodda għall-poplu, b’mod speċjali dawk li jgħixu Għawdex. Inħares ’il quddiem biex nagħmlu aktar passi flimkien ‘il quddiem u biex din il-ħolma Għawdxija, li saret ħolma tal-Gvern, fl-aħħar issir realtà.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-interess tal-konsorzji internazzjonali fil-proġett jimla lill-Gvern b’kuraġġ biex ikompli jwettaq dik li għal ħafna Għawdxin kienet biss ħolma. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar u spjega kif din il-mina se toffri ħafna vantaġġi għall-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu biex imorru għax-xogħol kuljum. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett se jkun l-ikbar proġett infrastrutturali f’Malta u Għawdex u wieħed iħares ’il quddiem biex jitkompla l-proċess ħalli dan il-link permanenti jseħħ.

Hu qal li l-link permanenti se tfisser li l-Għawdxin iħossuhom aktar ottimisti biex ikunu jistgħu jilħqu kwalunkwe opportunità bħal kull ċittadin ieħor Malti. Dan il-Gvern għamel l-almu tiegħu biex itejjeb il-qagħda ekonomika f’Għawdex u qed iħares lejn dan il-proġett bħala dak li se jiżgura l-qawmien mill-ġdid tal-isferi soċjali u ekonomiċi tal-gżira.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li Għawdex u l-Għawdxin qegħdin jingħataw prijorità permezz ta’ investiment infrastrutturali li qiegħed ipoġġi fuq quddiem nett il-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex.

Il-mina bejn Malta u Għawdex mistennija tkun twila 14-il kilometru u se tkun parzjalment taħt l-ilma, b’korsija waħda f’kull direzzjoni u oħra fin-nofs għal każijiet ta’ emerġenza. Wara l-evalwazzjoni ta’ dan il-kwestjonarju, tibda d-diskussjoni dwar il-pjanti u l-pjanijiet għall-implimentazzjoni tal-proġett mill-offerenti magħżula.

Sport