Sunday, May 5, 2024

GĦAJTA WAĦDA – L-AQWA KLASSIĊI MALTIN FIL-FINALI TA’ NHAR IL-ĦADD

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd l-aħħar edizzjoni mis-sensiela Għajta Waħda – il-kunċerti virtwali li matul dawn l-aħħar ġimgħat ixxandru bl-għan li jippromwovu u jħeġġu l-għaqda Nazzjonali. 

Tim ta’ professjonisti mis-setturi tad-divertiment u x-xandir ingħaqdu flimkien sabiex joffru tama permezz tal-mużika u l-arti. GĦAJTA WAĦDA kien ta’ xprun sabiex jaqqgħad entitajiet u persuni varji taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta l-Eċċ tiegħu Dr. George Vella f’dawn il-mumenti stroardinarji li lkoll għixna. 

Uħud fost l-aqwa talent lokali offra siegħat ta’ mużika u divertiment bi stili mużikali varji minn imkejjen differenti f’pajjiżna fejn it-telespettatur gawda s-sbuħija tat-Teatru Manoel, il-Palazz ta’ San Anton, postijiet storiċi oħra, li kollha kienu mgħaluqha għall-pubbliku. 

Minn ħadd għal ieħor aktar minn 100,000 telespettatur fuq l-istazzjonijiet lokali u pjattaformi online inġabru sabiex igawdu dawn il-kunċerti virtwali.  

Matul dawn ix-xandiriet spikkat il-ġenerożita ta’ bosta li minkejja ċ-ċirkustanzi taw id-donazzjoni tagħhom b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. 

Nhar il-Ħadd fl-aħħar edizzjoni ta’ din is-sensiela ser nisimgħu l-klassiċi tal-mużika Maltija interpretati minn Daniel Cauchi u Sterjotipi fost numru kbir ta’ artisti li ser jingħaqdu fl-għeluq ta’ dan il-proġett. Jissoktaw ukoll l-appelli sabiex permezz ta’ din l-opportunita’ jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

Issa li bilmod resqin lejn l’hekk imsejħa normalita’ ġdida irridu nitkebbsu fil-kuraġġ għal li ġej u flimkien nħarsu ‘l quddiem lejn ġejjieni imsawwar fl-għaqda u s-solidarjeta’ sabiex pajjiżna ikompli jirbaħ fuq din l-isfida. 


GĦAJTA WAĦDA jixxandar għall-aħħar darba nhar il-Ħadd fid-9pm fuq l-istazzjonijiet lokali. 

GĦAJTA WAĦDA taħt il-produzzjoni eżekuttiva ta’ Festivals Malta, bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni ta’ Visit Malta, Kinnie, Time to Eat, il-Ministeru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur.

Sport