Thursday, April 18, 2024

Erba’ reġjuni Ukreni se jsiru parti mir-Russja fi żmien ġimgħa 

Aqra wkoll

Fi ftit tal-jiem oħra r-Rus­sja mistennija li se tkun qiegħda tgħaqqad magħha ammont sostanzjali ta’ territorju Ukren, u dan hekk kif il-votazzjoni – meqjusa minn bosta bħala farsa – li saret dan l-aħħar f’erba’ provinċji Ukreni qiegħda turi li hemm appoġġ kbir biex dan isir. Ta’ min jgħid iżda li l-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent għandhom suspetti kbar dwar dan is-suppost referendum hekk kif kien hemm rapporti li l-votanti kienu mhedda mis-suldati Russi. Il-komunità internazzjonali qiegħda tqis dan ir-referendum bħala wieħed illegali.

Min-naħa l-oħra ġewwa l-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska ġie armant palk kbir u anke twaħħlu billboards kbar li jipproklamaw “Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia, Kherson – Russja!” Dwar dan, uffiċjal għoli Russu qal li l-parlament se jkun qiegħed jikkonsidra li jinkorpora lil dawn l-erba reġjuni – li huma okkupati parzjalment – fl-4 ta’ Ottubru li ġej sewwasew tlett ijiem qabel għeluq snin il-President Russu Vladimir Putin. Tal-aħħar se jagħlaq 70 sena. 

L-amministraturi li r-Russja poġġiet bħala l-mexxejja tal-erba’ provinċji msemmija iktar kmieni formalment talbu lil Putin biex jinkorpora “r-reġjuni tagħhom” mar-Russja. Fid-dawl ta’ dan Rodion Miroshnik li huwa l-ambaxxatur li r-Russja  poġġiet f’Luhanks qal li din se tkun qiegħda sseħħ fi żmien ġimgħa. Huwa tenna li l-iktar xi ħaġa importanti diġà saret – ir-referendum. Huwa qabbel il-progress li qed isir ma’ “ferrovija” li skontu diġà telqet u diffiċli biex titwaqqaf. 

Biex dawn it-territorji – li jammontaw għal 15% tat-territorju Ukren – jiġu annessi jrid ikun hemm xi forma ta’ trattat li jiġi ratifikat mill-parlament Russu li huwa kkontrollat mill-alleati ta’ Putin. Imbagħad dawn iż-żoni jibdew jiġi kkunsidrati bħala parti mir-Russja u l-protezzjoni nukleari Russa bida tapplika għalihom ukoll. Ta’ min ifakkar li ftit tal-jiem ilu Putin kien wissa dwar l-użu ta’ armi nukleari jekk xi partijiet minn pajjiżu jkunu mhedda. 

Ekonomija

Sport