Sunday, December 22, 2024

Erba’ snin u ħames xhur ħabs fuq sensiela ta’ serqiet

Aqra wkoll

Raġel kien ikkundannat erba’ snin u ħames xhur ħabs wara li ammetta l-kompliċita’ tiegħu f’sensiela ta’ serqiet li saru f’April li għadda.

Mohamed Mohamed Ali kien akkużat li flimkien ma’ żewġ persuni oħra laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa, li serqu sett ta’ pjanċi minn vettura tal-għamla Mazda Demio, li serqu flus kontanti minn ħanut f’Wied il-Għajn, żammew persuna kontra l-volonta tagħha u serqu Porsche Cayenne.

Akkużi oħra kontrihom jgħidu li pprovaw jisirqu minn ħanut tal-ġojjellerija f’Santa Venera, minn spiżerija f’Ħal Qormi u minn stabbiliment ieħor f’Birkirkara.

Ali waħdu klien akkużat li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu kif ukoll bi traffikar ta’ droga.

Barra minn hekk, Ali flimkien ma’ tliet persuni oħra kienu akkużati li pprovaw jisirqu minn residenza fil-Mellieħa. 

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri semgħet kif l-akkużat kien konxju tal-konsegwenzi tal-ammissjoni ta’ ħtija tiegħu hekk kif irreġistrata quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja.

Il-Qorti qalet li kellha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u l-akkuzat fir-rikors konġunt tagħhom li ġie ppreżentat il-ġimgħa li għaddiet, liema piena jirriżulta li hija waħda fil-parametri tal-liġi. 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lill-akkużat Mohamed Mohamed Ali ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu għal perjodu ta’ erba’ snin u ħames xhur priġunerija kif ukoll multa ta’ 5,000 ewro. 

Ekonomija

Sport