Saturday, May 4, 2024

Erik ten Hag irid jibni t-team ta’ Man Utd madwar Frenkie De Jong

Aqra wkoll

L-era ta’  Erik ten Hag ma’ Manchester United bdiet it-Tnejn hekk kif l-Olandiż mexxa l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tiegħu f’Carrington wara l-waqfa tas-sajf.

U l-ex manager ta’ Ajax żgur li għandu l-pjani tiegħu fir-rigward tat-trasferimenti hekk kif iħares li jbiddel radikalment l-iskwadra preżenti. 

Fl-istaġun li għadda, ir-Red Devils temmew fis-sitt post bi 58 punt – l-agħar total ta’ punti tagħhom għal 32 sena fi staġun diżappuntanti mmens minkejja l-ammont kbir ta’ pagi tagħhom.

S’issa diġá telqu sitt players, b’Paul Pogba, Nemanja Matic, Juan Mata, Jesse Lingard, Edinson Cavani u Lee Grant jitilqu bi trasferiment ħieles hekk kif ġew fi tmiemhom il-kuntratti tagħhom. 

Barra minn hekk, il-coach Olandiż sostna li jrid ineħħi bosta players oħra li ma jinsabux fil-pjani tiegħu li, skond hu, mhumiex tal-livell mixtieq u li għandhom paga kbira.

L-objettiv ewlieni tiegħu huma li jibda jiffirma players ġodda … u jidher li l-ew­wel akkwist tiegħu se jkun il-midfielder ta’ Barcelona, Frenkie de Jong. 

L-Olandiż ta’ 25 sena ħadem għal sen­tejn ma’ Ten Hag fit-team ta’ Ajax qabel ma ngħaqad ma Barcelona għal £65 miljun, f’Jannar 2019.

Il-United jinsabu ferm viċin li jiffirmaw lil dan il-player hekk kif Ten Hag irid jibni t-team madwar De Jong billi jużah fl-irowl ta’ “Sergio Busquets”. 

Bil-midfielder difensiv Busquets ġene­ralment użat fi rwol aktar profond ta’ nofs il-ground, b’żewġ players ċentrali avvanzati oħra fuq kull naħa, de Jong ġeneralment intuża f’din l-aħħar pożizzjoni, bħan-numru 8 fit-team ta’ Barcelona. 

Iżda Ten Hag jipprevedih bħala n-numru 6 f’formazzjoni ta’ 4-3-3, aktar simili għal kif kien jiġi utilizzat ma’ Ajax u mal-Olanda. Għad hemm mistoqsijiet dwar kemm De Jong huwa adattat għar-rwol bħal dan peress li l-fiżika fil-football bla waqfien bħal ma huwa dak Ingliż, mhijiex tradiz­zjonalment l-akbar saħħa tiegħu.

Player ieħor li Ten Hag irid huwa l-midfielder ta’ Brentford, Christian Eriksen, li jkun disponibbli bi trasferiment ħieles hekk kif il-kuntratt ta’ sitt xhur tiegħu mal-Bees, jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Peró l-istess Eriksen sostna li huwa jixtieq jibqa’ jgħix f’Londra. 

Żewġ players oħra fuq il-lista ta’ Ten Hag huma d-difensuri ta’ Ajax, Lisandro Martinez u Nicolas Tagliafico.

Filwaqt li dan tal-aħħar jilgħab fuq ix-xellug u għaldaqstant ikollu kompetizzjoni minn Luke Shaw, Martinez x’aktarx jilgħab bħala difensur ċentrali xellugi, flimkien ma’ Raphael Varane jew Harry Maguire. Iżda wieħed irid jara jekk Ajax humiex lesti li jinnegozjaw. 

Il-miġja ta’ dawn il-players tkun tfisser it-tluq ta’ Eric Bailly, Phil Jones, Axel Tuanzebe u Alex Telles.

Barra minn hekk, Ten Hag qed jistaqsi għall-attakkant Brażiljan ta’ Ajax, Antony. Infatti huwa se juża lil Anthony Martial, li fl-istaġun li għadda kien misluf lil Sevilla mingħajr suċċess, bħala parti minn tpartit biex jakkwista l-firma ta’ Antony. 

Player ieħor li jista’ jħalli l-club huwa Andreas Pereira minħabba li ma jinsabx fil-pjani tal-manager Olandiż u qed jittama li jdaħħal £11-il miljun hekk kif Fulham jinsabu nteressati fis-servizzi tiegħu. 

Player ieħor li ħalla l-club huwa l-goalkeeper Dean Henderson li ngħaqad ma’ Nottingham Forest b’self. Il-United dawru l-attenzjoni tagħhom fuq Daniel Bachmann ta’ Watford biex ikun is-suċċessur ta’ Henderson iżda l-Hornets talbu għal ċifra għolja minħabba li fadallu sentejn biex jintemmlu l-kuntratt. 

Sport