Erling Haaland kiser ir-rekord Kylian Mbappe bil-ħames goals li skorja għal Manchester City fir-rebħa ta’ 7-0 fuq RB Leipzig.
Wara li l-ewwel leg intemm bl-iskor ta’ 1-1, Haaland qatel kull tama għal Leipzig meta sal-ewwel taqsima huwa skorja hat-trick biex it-team Ingliż daħal jistrieħ fil-vantaġġ ta’ 3-0.
Ilkay Gundogan u Kevin De Bruyne wkoll niżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers iżda Haaland seraq ix-xena billi skorja żewġ goals oħra.
L-internazzjonali Norveġiż issa għandu 39 goal fil-kompetizzjonijiet kollha f’dan it-terminu – l-aktar player tas-City li qatt skorja fi staġun wieħed wara li Tommy Johnson kiseb 38 fil-kampanja 1928/29 … rekord ta’ 94 sena.
Iżda kiser ukoll dak ta’ Mbappe meta sar l-iżgħar player li laħaq it-30 goal fiċ-Champions League … fl-etá ta’ 22 sena u 236 jum.
Haaland huwa 116-il jum iżgħar mill-attakkant ta’ Paris SG li kien kiser ir-rerkod fl-etá ta’ 22 sena u 352 jum.
L-eks player ta’ RB Salzburg u Borussia Dortmund huwa wkoll l-aktar player veloċi li laħaq tali rekord, wara li għamel dan f’25 dehra.