-attakkant ta’ Manchester City, Erling Haaland, sar l-ewwel player li rebaħ l-unuri tal-Player tas-Sena u tal-Player Żagħżugħ tas-Sena tal-Premier League fl-istess staġun.
Is-36 goal tal-player ta’ 22 sena rawh jikser ir-rekord tal-Premier League għall-iktar goals fi staġun. B’mod ġenerali huwa skorja 52 goal matul il-kampanja.
“Jien onorat li sirt l-ewwel player li rbaħt iż-żewġ unuri fl-istess staġun – grazzi lil kull min ivvota għalija,” qal Haaland.
Haaland, li rċieva l-aktar voti kkombinati mill-pubbliku u mill-panel tal-Premier League, ingħaqad mas-City mingħand Borussia Dortmund fis-sajf li għadda u għen lill-club jirbaħ it-tielet titlu konsekuttiv tal-ogħla livell.
Huwa diġà ġie onorat mill-Football Writers’ Association (FWA) tal-football tal-irġiel tas-sena.
“Kien ewwel staġun inkredibbli fil-Premier League u li rrfigħt it-trofew fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet quddiem il-partitarji tagħna fl-Etihad Stadium kien mument speċjali ħafna għalija,” żied jgħid il-internazzjonali Norveġiż.
Is-City jinsabu wkoll fit-triq għat-Treble hekk kif se jiffaċċjaw lil Manchester United fil-finali tal-FA Cup nhar is-Sibt li ġej, fit-3 ta’ Ġunju, qabel ma jilagħbu kontra Inter fil-finali taċ-Champions League s-Sibt ta’ wara, 10 ta’ Ġunju.
“Dawn il-premjijiet ma kinux ikunu possibbli mingħajr sħabi, il-manager u l-istaff kollu tal-club li jgħinuni nwettaq fil-ground,” qal Haaland.
“Issa għandna żewġ finali oħra x’nilagħbu u rridu nispiċċaw l-istaġun b’saħħitna.”