L-azjenda Maltija Erremme Business Advisors minn Ottubru 2023 bdiet tisponsorja lit-tim Taljan tal-waterpolo tad-Diviżjoni A1, Rari Nantes Camogli 1914 (RNC).
Din l-inizjattiva hija parti mill-istrateġija mifruxa u kontinwa ta’ Responsabbiltà Soċjali Azjendali tal-kumpanija Maltija li tfittex li tappoġġja, fost oħrajn, entitajiet sportivi lokali kif ukoll internazzjonali, filwaqt li tkabbar ukoll in-‘network’ internazzjonali tagħha fil-qasam tan-negozju.
Imnedija 21 sena ilu, fl-2002, Erremme Business Advisors (EBA) hija ditta Maltija li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi lil klijenti lokali kif ukoll internazzjonali. Immexxija mill-motto ‘Is-Suċċess Tiegħek, Is-Suċċess Tagħna’, l-EBA hija fuq quddiem fejn tidħol il-professjonalità u tiggarantixxi l-akbar impenn u l-ogħla standards etiċi f’kulma tagħmel, partikolarment billi toffri servizz effiċjenti u mfassal apposta skont il-ħtiġiet individwali tan-numru kbir ta’ klijenti tagħha; minn individwi u dawk li jaħdmu għal rashom, sa imprendituri li jmexxu fost l-aktar negozji magħrufin fid-dinja.
Rari Nantes Camogli hija assoċjazzjoni storika Taljana tal-waterpolo li twieldet fit-28 ta’ Ġunju 1914. Hija frott avventura sportiva kbira li tnisslet minn grupp żgħir ta’ dilettanti tal-waterpolo. Fis-sena 1935 l-assoċjazzjoni rebħet l-ewwel ‘scudetto bianconero’, filwaqt li fl-2018 kisbet il-‘Collare D’Oro’, l-ogħla unur sportiv nazzjonali Taljan mogħti f’Ruma mill-president tal-Comitato Olimpico Nazionale Italiano – CONI.
Fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-isponsorxip is-Sur Reuben M Buttigieg, Direttur Maniġerjali ta’ Erremme Business Advisors qal, “Din l-inizjattiva hija parti mill-kontribut li Erremme toffri lil professjonisti żgħażagħ li jfittxu li jsibu karriera professjonali f’dan l-isport. RNC huwa klabb storiku iżda fl-istess ħin ferm żagħżugħ fl-approwċ tiegħu u għadu kif ġie promoss għall-A1. Aħna, f’Erremme, inħeġġu esperjenzi minn fruntiera għal oħra f’karrieri li, nemmnu, jiftħu quddiem dak li jkun orizzonti ġodda. Tabilħaqq, RNC wkoll jinkoraġġixxi din il-viżjoni u jospita plejers minn pajjiżi differenti tal-UE, inkluża Malta.”
Il-President ta’ RNC, Massimo Bozzo, wera s-sodisfazzjon tiegħu għal din il-kollaborazzjoni ġdida b’dawn il-kummenti: “Aħna grati għall-appoġġ li rċevejna mingħand Erremme Business Advisors, l-istess bħalma aħna grati għall-isponsors kollha tagħna. Fl-istess ħin, però, din is-sħubija għandha karatteristika speċjali għax Erremme hija azjenda Maltija li għarfet ir-realtà tagħna u uriet il-kapaċità li tappoġġja impriżi li ġejjin mit-Tramuntana tal-Italja. Nixtiequ nuru r-radd il-ħajr tagħna lil Reuben Buttigieg u lit-tim ta’ Erremme. Hija ħaġa ċara li Erremme hija kapaċi ssib opportunitajiet u ssawwar b’suċċess kollaborazzjonijiet fit-tul.
“Bħala klabb tal-waterpolo u akkwatika, aħna niddependu fuq il-ġbir ta’ fondi biex inkunu nistgħu noperaw u nipprovdu l-aħjar ambjent possibbli għall-plejers u l-membri tagħna. Il-klabb tagħna jinsab fil-qalba tal-komunità f’Camogli u qed nagħmlu l-almu tagħna biex nerġgħu niksbu l-pożizzjoni u l-prominenza li dan il-klabb kien igawdi fl-imgħoddi. Bl-appoġġ ta’ kollaboraturi bħal Reuben, jien fiduċjuż li se nirnexxu.”
Għal aktar informazzjoni żur erremme.com.mt jew www.rncamogli.it