Saturday, April 27, 2024

Esebizzjoni artistika biex jinġabru flus għall-pazjenti morda bil-kanċer

Aqra wkoll

L-artist John Victor Borg jgħid li m’hemm xejn isbaħ li bid-doni tagħhom jippruvaw jgħinu lil min hu fil-bżonn

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-Fondazzjoni ‘Smiling with Jerome’ tagħmel numru ta’ inizjattivi biex tgħin lill-pazjenti morda bil-kanċer. Fost dawn, hija tgħin biex jitqassmu basktijiet addattati speċifikament għall-pazjenti morda bil-kanċer, inizjattiva bl-isem ta’ ‘Chemo Bags of Hope’ li ddaħlet f’Malta għall-ewwel darba f’Diċembru li għadda.

Sfortunatament il-każijiet tal-kanċer dejjem jibqgħu preżenti u allura huwa ferm bżonnjuż li din il-Fondazzjoni jkollha fondi biżżejjed biex tilħaq iktar pazjenti.

Għal din ir-raġuni, il-Fondazzjoni se tkun qed torganizza esebizzjoni artistika ġewwa l-lukanda Paradise Bay Hotel. Din l-esebizzjoni se ssir fil-31 ta’ Lulju, 1 u 2 ta’ Awwissu u fiha 15-il artist se jesebixxu l-pitturi tagħhom.

Tkellimna ma’ wieħed mill-artisti, John Victor Borg, li ġie mitlub biex jipparteċipa f’wirja kollettiva ta’ arti flimkien mal-14-il artist/a oħra. Huwa qalilna li kull artist se jesebixxu żewġ pitturi tal-għażla tiegħu fejn għoxrin fil-mija mill-bejgħ ta’ kull pittura se jmur proprju għall-inizjattiva b’għan nobbli ta’ ‘Chemo bags of hope’.

John Victor Borg qalilna li ż-żewġ pitturi li se jkun qed jesebixxi għal din il-wirja huma maħduma biż-żegħba taż-żejt fuq it-tila, waħda hija monochrome “In the Shadows” u l-oħra hija xena mill-belt pittoreska tal-Imdina “The Silent City”, żewġ pitturi differenti li jispera li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd biex jintlaħaq l-għan tagħhom bħala artisti biex kemm jista’ jkun l-esebizzjoni tkun ta’ suċċess u ta’ għajnuna għall-Fondazzjoni. L-artist qal li, “m’hemm xejn isbaħ li permezz tad-doni li għoġbu jagħtina Alla nippruvaw ngħinu lil min hu fil-bżonn.”

John Vic twieled il-Mellieħa fl-1971 iżda l-familja tiegħu emigrat l-Awstralja meta kellu 9 xhur. Minn mindu seta’ jimxi, huwa dejjem kellu karta u xi lapes f’idejh biex ipinġi dak kollu li jiġih f’moħħu. Meta l-ġenituri tiegħu rritornaw f’Malta, għall-bidu huwa ħassha diffiċli imma dejjem sab ħin biex ‘jevadi’ fid-dinja sabiħa tat-tpinġija.

L-artisti l-oħra li se jesebixxu huma: Isabel Warrington; John Victor Borg; Carmen Vella Gauci; Mark Schembri; Joanne Fenech Portelli; Norma Cili; Anthony Vella; Madeleine Vella Satariano; Karm Serracino; Shawn Carl Agius; Sara Scerri; Francis Galea; Nancy Abela; Diane Agius u Marika Borg.

X’inhi l-inizjattiva Chemo bags of hope?

Kull basket għandu b’madwar €50 t’affarijiet li huma importanti għal kull pazjent li jkun f’xi sodda jieħu t-trattament tal-kimoterapija. Dawn l-affarijiet li jinsabu ġewwa dan il-basket jgħinu lill-pazjent ikun iktar pożittiv, ikollu stat ta’ saħħa mentali tajjeb, jirrilassa u jħossu iktar apprezzat. 

Minkejja dawn il-basktijiet jiswew mal-€50 kull wieħed, xorta qed jinqasmu b’xejn lil kull pazjent li qiegħed ġol Wards f’SAMOC, lil kull pazjent li jiġi rreferut lil din il-Fondazzjoni mill-Hospice Malta u se jibdew jitqassmu wkoll lill-pazjenti li qed jieħdu l-kura tal-kimoterapija ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Dan il-basket fih numru ta’ affarijiet fosthom lap blanket, għadd ta’ stationery, ktieb fejn wieħed jista’ jpinġi, mouthwash, ġugarelli għat-tfal, fost affarijiet utli oħra.

Il-Fondazzjoni qalet li peress li m’għandiex għajnuna finanzjarja mill-Gvern u lanqas ma tista’ tagħmel maratoni fuq it-televiżjoni biex jinġabru l-flus, jiddependu ħafna fuq il-ġenerożità tan-nies. 

Min jixtieq jgħin jista’ jagħmel dan permezz ta’ Internet Bank Transfer minn IBAN MT 30 VALL 2201 3000 0000 4002 5276 992 jew permezz ta’ ċekk pagabbli lil ‘Smiling with Jerome’ fl-indirizz 43, Kyrios, Triq ir-Rand Attard ATD1300 jew mill-website www.smilingwithjerome.com. Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu wkoll permezz ta’ Revolut fuq 99439240.

Sport