Hemm għadd ta’ avvenimenti u laboratorji eċitanti li qed iseħħu bħala parti mill-maltabiennale.art 2024, li permezz tagħhom qed tintwera taħlita vasta ta’ espressjonijiet artistiċi u kulturali. Minn wirjiet li jsaħħruk għal laboratorji interessanti immens, il-maltabiennale.art jistieden lill-parteċipanti biex jegħrqu f’dinja ta’ kreattività u ispirazzjoni.
Il-viżitaturi jistgħu jesploraw ukoll għadd ta’ padiljuni nazzjonali u tematiċi minn madwar id-dinja kollha, b’xogħlijiet minn artisti miċ-Ċina, l-Ukrajna, l-Italja, Spanja, u l-Polonja, fost oħrajn. Fost l-attivitajiet li qed iseħħu, fil-Padiljun Nazzjonali Ukren, li jġib l-isem ta’ ‘Min-Nofsinhar għat-Tramuntana,’ sar tour kuratorjali kif ukoll taħdita li fihom ġiet diskussa aħjar it-tema tal-padiljun.
Dawn esploraw in-narrattivi kumplessi tad-dekolonizzazzjoni u tal-imgħoddi imperjali li jaqsmu l-Ukrajna u Malta. Wieħed jista’ jibqa’ aġġornat dwar dak kollu li qed jiġri waqt il-maltabiennale.art billi jsegwi l-paġni tal-mezzi soċjali uffiċjali tal-biennale kif ukoll is-sit elettroniku, li jinkludi fih informazzjoni dwar il-padiljun prinċipali u l-padiljuni nazzjonali u tematiċi, u dwar l-avvenimenti u l-laboratorji li qed iseħħu.