Thursday, November 14, 2024

Estiż il-community policing fi tmien lokalitajiet oħra

75% tal-pajjiż kopert b’dan is-servizz

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-servizz tal-pulizija fil-komunità (community policing) qed jiġi estiż fi tmien lokalitajiet oħra, li huma Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, Marsaskala, San Ġwann, iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. Dan ifisser li 75% tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex issa huma koperti b’dan is-servizz. 

Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, l-Ugwaljanza Byron Camilleri waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa bit-tema “Malta: Ċertezza u Stabbilità”. 

“Illum qed inwettqu wegħda oħra fil-manifest elettorali. Ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet mil-lum ‘il quddiem se jibdew jirċievu servizz tal-pulizija li huwa differenti minn dak li kieu qed jesperjenzaw qabel. Għaliex se jibda jkollhom il-pulizija tal-komunità tagħhom, il-pulizija personali tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri. 

Huwa qal li r-residenti f’dawn il-komunitajiet se jkollhom isem u l-kunjom ta’ dawn il-pulizija u anke jkunu jistgħu jikkomunikaw magħhom bil-mezzi soċjali u jaqsmu l-informazzjoni flimkien. Dan filwaqt li se tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-lokalitajiet rispettivi. 

Sadanittant, il-Ministru Camilleri qal ukoll li fl-aħħar snin il-Korp tal-Pulizija wettaq numru ta’ bidliet inklużi dawk elenkati fl-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp. Qal li dawn il-bidliet, anke permezz tal-pulizija fil-komunità, wasslu biex għandna tnaqqis fir-rata tal-kriminalità f’pajjiżna u tiżdied il-fiduċja fil-Korp. 

Dwar il-miżuri tal-budget 2023, il-Ministru Camilleri semma foost oħrajn kif fiż-żmien li ġej, se tingħata dehra kompletament ġdida għall-uffiċjali tal-Korp fejn għall-ewwel darba se jkollhom bidla fl-uniformi. 

Semma wkoll il-miżura ta’ 23% fil-pensjoni lil membri tal-korpi dixxiplinat jagħżlu li ma jirtirawx wara 25 sena servizz, u jagħmlu erba’ snin ta’ servizz addizzjonali. Apparti hekk, se jiddaħħal kunċett ta’ pensjoni tas-servizz għal ħames snin lir-romol ta’ uffiċjali fil-forzi dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa jew qabel jagħlqu l-25 sena servizz jew fil-perjodu bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-irtirar.

“Meta wieħed iħares lejn dan il-budget, isib li dan jagħti ċertezza u stabbilità mhux biss lill-familji iżda wkoll fil-qasam tas-sigurtà u f’kull responsabbilità li taqa’ taħt dan il-Ministeru,” temm jgħid il-Ministru Camilleri. 

Ekonomija

Sport