Wednesday, July 24, 2024

Euro 2024: Diogo Costa l-eroj tal-Portugall fl-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

PORTUGALL ….. 0     

SLOVENJA …….. 0

(Portugall 3-0 bl-għoti tal-penalties)

Il-Portugall ikkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-Euro 2024  meta għelbu lis-Slovenja 3-0 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ mingħajr goals.

Appena għaddew erba’ minuta, il-Portugiżi resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor iżda Rafael Leao ġie antiċipat fil-ħin meta kien se jikkonkludi. 

Fl-34 minuta, l-Portugiżi ngħataw free-kick f’tarf il-kaxxa wara li Leao ġie mwaqqa’ minn Vanja Drkusic. Iżda x-xutt ta’ Ronaldo għadda minn fuq il-mimduda.

Erba’ minuti wara, is-Sloveni resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta Petar Stojanovic ħarab fuq il-linja, daħal fil-kaxxa u għadda lejn Andraz Sporar li bl-għajta tal-goal huwa ġie nnewtralizzat minn Nuno Mendes.

Sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Portugiż Palhinha kien sfortunat li laqat sieq il-lasta.

Fil-55 minuta, l-istess Oblak kien pożizzjonat tajjeb biex salva l-free-kick ta’ Ronaldo li kien b’saħħtu iżda ċentrali.

Wara din l-azzjoni, ir-ritmu naqas għalkemm il-Portugiżi kienu  territorjalment aħjar.

It-88 minuta, kienet il-mument ta’ Ronaldo iżda waħdu quddiem Oblak ra lill-goalkeeper Sloven jilqa’ t-tentattiv tiegħu. Bil-partita tibqa’ fi draw ta’ mingħajr goals, kellu jingħata l-ħin barrani.

Fil-102 minuta, il-Portugall ingħataw penalty meta Diogo Jota twaqqa’ minn Vanja Drkusic fil-kaxxa. Iżda Oblak salva x-xutt ta’ Ronaldo mill-11-il metru.

Fil-115-il minuta, Benjamin Sesko falla ċ-ċans ta’ ‘ħajtu’ meta approfitta minn żball ta’ Pepe … tela’ waħdu iżda xxuttja ċentrali biex il-goalkeeper, Diogo Costa, salva lit-team tie­għu.

U bil-partita tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties, Diogo Costa kien l-eroj tal-Portugall meta salva tliet penalties.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport