Tuesday, May 14, 2024

Euro 2024: Franza jumiljaw lill-Olanda

Aqra wkoll

Franza bdew l-impenji tagħhom tal-Euro 2024 fuq nota mill-aktar pożittiva meta fit-tieni programm tal-ewwel ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni, huma umiljaw lill-Olanda bl-iskor ta’ 4-0 liema rebħa kienet aċċertata fl-ewwel taqsima meta daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ tliet goals.   

Huma ma setgħux kel­lhom bidu aħjar hekk kif wara biss żewġ minuti huma fetħu l-iskor minn Antoine Griezmann li kkonkluda mill-assist ta’ Kylian Mbappe li kien qed imexxi lil Les Bleus bħala captain għall-ewwel darba wara li Hugo Lloris ħabbar li rtira mit-team nazzjonali. 

Sitt minuti wara, il-Fran­ċiżi rduppjaw meta Dayot Upamecano skorja mir-rebound wara li l-goalkeeper, Jasper Cillessen, laqa’ parzjalment il-free-kick ta’ Griezmann.

Dan il-goal kien ifisser li l-Olanda kienu ilhom ma jkunu fi żvantaġġ wara biss tmien minuti mill-1951 … fit-telfa ta’ 7-6 kontra l-Bel­ġju. 

Intant, l-Olandiżi bdew jippressaw biex jidħlu fil- logħba iżda fil-21 minuta kienu l-Franċiżi li skorjaw it-tielet goal meta mill-pass fit-tul ta’ Aurelien Tchouameni, Kylian Mbappe għe­leb in-nasba tal-offside u xeħet il-ballun fir-rokna tax- xibka. 

Fit-tieni taqsima, l-Olan­diżi ppruvaw joħolqu xi forma ta’ pressjoni biex iżda l-goalkeeper, Mike Maignan, ftit li xejn kien impenjat minħabba li kien protett tant tajjeb.

U fit-88 minuta, Mbappe nkuruna l-wirja tiegħu billi ssiġilla r-rebħa. 

Minn Grupp B, barra minn darhom il-Greċja għelbu lill-Ġibiltá bl-iskor ta’ 3-0, bl-iskorers ikunu Giorgos Masouras (12), Ma­nolis Siopis (45) u Anasta­sios Bakasetas (58). 

Minn Grupp C, ir-Repubblika Ċeka ospitaw lill-Polonja u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1, bil-goals jaslu minn Ladislav Krejci (1) u Tomas Cvancara (3) u Jan Kuchta (64) filwaqt li Damian Szymanski (87) skor­ja għall-Pollakki.  

Fil-partita l-oħra, il-Mol­­dova laqgħu lil Fa­roe Islands u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1. 

Kien Heri Hjalt Mohr (28) li fetaħ l-iskor għall-viżitaturi iżda Ion Nicolaescu (87 pen) wieġeb għal Moldova.  

Minn Grupp F, l-Awstrija għelbu lil Azerbaijan bl-iskor ta’ 4-1, bil-goals jiġu skorjati minn doppjetta ta’  Marcel Sabit­zer (28, 50), Michael Gregoritsch (30) u Christoph Baumgartner (69) filwaqt li Emin Mahmudov (64) wieġeb għall-Azeri. 

F’partita mill-aktar mis­tennija, il-Belġju marru l-Isvezja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, bit-tliet goals jaslu minn Romelu Lukaku (35, 49, 83). 

Minn Grupp G, il-Bulga­rija f’darhom sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 mill-Montenegro permezz ta’ goal minn Nikola Krstovic (70). 

Is-Serbja għelbu lil-Litwanja bl-iskor ta’ 2-0, grazzi għal goals minn Dusan Tadic (16) u Dusan Vlahovic (53). 

Sport