Il-coach tal-Ingilterra, Gareth Southgate, jinsab pass ‘il bogħod minn tpattija glorjuża meta għada fil-finali tal-Euro 2024, jaffronta lil Spanja. Dan wara li f’dan it-tournament saħansitra ġie ssuttat b’tazzi tal-birra flimkien ma’ kritika ħarxa … li qed joffru l-prospett ta’ post fil-vetrina fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew.
Id-dehra ta’ Southgate li kien qed jiffaċċja ostilità ħarxa mill-partitarji wara d-draw diżastruż ta’ 0-0 kontra s-Slovenja fil-logħba tal-gruppi, f’Cologne, dehru seklu ‘l bogħod imqabbla max-xeni ta’ ċelebrazzjoni wara l-goal rebbieħ tal-aħħar minuta ta’ Ollie Watkins, li bbukkja post għall-Ingilterra fil-finali ta’ għada, f’Berlin.
L-Ingilterra daħkitilhom il-fortuna bosta drabi, u jekk il-fortuna tibqa’ tiffavorixxi lit-Three Lions, allura Southgate jkun jimmeritah dan għall-kuraġġ li wera meta għamel il-bidliet neċessarji li spiċċaw biex irreġistraw rebħa drammatika f’lejla karatterizzata mill-maltemp, f’Dortmund.
Dan ifisser li l-Ingilterra ta’ Southgate tinsab logħba ‘l bogħod milli ttemm ‘l hekk imsejħa “snin ta’ stennija” fit-tul għat-team tal-irġiel li jerġa’ jiskeb suċċess maġġuri wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1966, taħt ir-responsabbilt tal-coach, Sir Alf Ramsey.
Southgate ġie kkritikat għas-sostituzzjonijiet tiegħu fil-Ġermanja – dawk li għamel u oħrajn li ma għamilx – u bosta staqsew il-mistoqsijiet meta l-captain Harry Kane ġie sostitwit.
Fil-partita kontra l-Olanda, Ollie Watkins u Cole Palmer, ġew introdotti, imbagħad, bl-arloġġ jimmarka lejn id-90 minuta, ingħaqdu biex jiġġustifikaw is- sostituzzjonijiet ta’ Southgate b’mod spettakolari.
Ivan Toney deher sostitut aktar ovvju għal Kane iżda d-deċiżjoni ta’ Southgate li jmur għal Watkins uriet li kienet waħda ġustifikata.
Palmer infiltra fit-territorju Olandiż qabel għadda l-ballun lejn Watkins, li għeleb lid-difensur Olandiż Stefan de Vrij qabel tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Wara dan il-goal, il-players Olandiżi, dehru diżillużi u fost oħrajn Xavi Simons deher bi dmugħ f’għajnejh iħares lejn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ingilterra.
F’erba’ tournaments ewlenin matul it-tmien snin tiegħu fit-tmexxija tat-Three Lions, Southgate mexxa lill-Ingliżi għal semi-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-2018, finali tal-Euro 2020, il-kwarti finali tat-Tazza tad-Dinja fl-2022, u issa t-tieni finali konsekuttiva tal-Kampjonat Ewropew.
Il-mistoqsija hija jekk Southgate hux il-persuna rebbieħa li l-Ingilterra ilhom ‘jixxenqu’ għal unur tant prestiġjuz sa mill-1966. Dejjem se jkun hemm mistoqsijiet dwar l-approċċ tiegħu – ġustifikat jew le – sakemm iġib lill-Ingilterra fuq in-naħa rebbieħa wara li resaq daqshekk qrib f’daqstant drabi.
Southgate kiber u mmatura f’dan il- kampjonat flimkien mal-Ingilterra.
L-Ingilterra għandha stennija ta’ 58 sena li qed tittama li ttemmha proprju għada … bil-possibbiltá li Southgate jkun qed iwarrab kull dubju mmirat fid-direzzjoni tiegħu jekk jista’ jfassal rebħa importanti fuq Spanja.