Sunday, December 22, 2024

Euro 2024: Iċ-champions l-Italja jibdew id-difiża b’telfa kontra l-Ingilterra

Aqra wkoll

Iċ-champions renjanti Ewropej, l-Italja, bdew id-difiża tagħhom b’telfa hekk kif proprju l-bieraħ ingħata bidu għar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024. 

F’darhom l-Azzurri sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1 mill-Ingilterra hekk kif il-protagonista ta’ din ir-reb­ħa kien Harry Kane li sar l-aqwa skorer tat-team naz­zjonali Ingliż ta’ kull żmien. 

L-Ingilterra fetħu l-iskor fit-13-il minuta minn Dec­lan Rice li xeħet fix-xibka wara li x-xutt ta’ Kane ġie mblukkat mid-difiża Taljana. 

Imbagħad, fl-44 minuta, it-team immexxi mill-coach Gareth Southgate rdoppja minn penalty mogħti minn Harry Kane wara li Giovanni Di Lorenzo mess il-ballun b’idu liema deċiżjoni ġiet megħjuna mill-VAR.

B’dan il-goal, Kane kiser ir-rekord ta’ Wayne Rooney għal total ta’ 54 goals. 

Madankollu, Mateo Retegui (56) naqqas il-marġni tal-iskor meta kkonkluda mill-cross ta’ Lorenzo Pellegrini.

Fit-80 minuta, l-Ingilterra spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Luke Shaw wara li ntwera t-tieni karta safra. 

Wara din it-tkeċċija, it-Taljani ppruvaw iżidu l-pressjoni fuq il-lasti avversarji iżda l-Ingliżi wrew dixxiplina biex baqgħu jżommu l-vantaġġ sas-suffara finali. 

Minn Grupp H, is-Slo­venja marru l-Kazakhstan u reb­ħulhom 2-1, b’goals minn David Brekalo (47) u Zan Vipotnik (78) wara li Maksim Samorodov (24) fetaħ l-iskor għat-team ospitu. 

Id-Danimarka għelbu lill-Finlandja bl-iskor ta’ 3-1 bl-eroj ikun Rasmus Hojlund (21, 81, 92) li skorja trippletta filwaqt li Oliver Antman (53) ki­seb id-draw momentarju għall-viżitaturi. 

L-Irlanda ta’ Fuq marru San Marino u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 grazzo għal doppjetta ta’   Dion Charles (24, 55). 

Minn Grupp J, il-Portugall laqgħu lil Liechtenstein u għelbuhom bl-iskor ta’ 4-0 bil-goals jaslu minn Joao Cancelo (8), Bernardo Silva (47) u Cristiano Ronaldo (51 pen, 63). 

F’din il-partita Ronaldo kiteb l-istorja meta sar l-aktar player fid-dinja li lagħab partiti internazzjonali b’total ta’ 197. Huwa kiser ir-rekord tal-attakkant tal-Kuwait, Badr Al-Mutawa.

Barra minn hekk biż-żewġ goals li skorja l-bieraħ u kompla kabbar ir-rekord tiegħu tal-aktar player li skorja għal pajjiżu b’total ta’ 120. 

Bosnja Herzegovina rre­ġistraw rebħa tajba ta’ 3-0 fuq l-Islanda permezz ta’ doppjetta ta’ Rade Krunic (14, 40) u Amar Dedic (63).

F’darhom, is-Slovakkja ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals mil-Lussemburgu.  

Ekonomija

Sport