Monday, March 18, 2024

Euro 2024: Wirja qalbiena mhux biżżejjed għall-Maltin

Aqra wkoll

Maċedonja ……2

Malta…………….1

F’dik li kienet l-ewwel logħba minn Grupp C ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, u anke l-ewwel logħba għal-coach Taljan Michele Marcolini fit-tmun tat-team nazzjonali Malti, wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għall-Maltin hekk kif huma sfaw megħluba mill-Maċedonja bl-iskor ta’ 2-1.

Fl-ewwel taqsima, il-Maltin żammew il-pass mal-avversarji tagħhom u fil-fatt din it-taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr goals, iżda fit-tieni taqsima, il-Maċedoni ħadu r-riedni tal-logħba kompletament f’idejhom u fil-fatt irnexxielhom isibu x-xibka għal darba darbtejn.

Dan mingħajr wieħed ma jneħħi xejn mill-wirja tal-Maltin li offrew oppożizzjoni denja, madankollu, iddiżappuntaw f’x waqtiet u ta’ dan pattaew qares. Barra minnhekk, players li ssoltu jimpressjonaw fotshim Teddy Teuma, kellhom partita pjuttost kwieta.

Kienu l-Maċedonja li ħolqu l-ewwel periklu fit-18-il minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Velkovski, għaddiet għoli.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-27 minuta xutt mid-distanza ta’ Traikovski għadda barra.

Il-pressjoni kienet kollha fuq il-Maċedonja u fid-59 minuta ir-referee ordna penalty minħabba li deherlu li Ryan Camenzuli kien waqqa’ lil Bojan Miovski fil-kaxxa, iżda mbagħad wara li kkonsulta mal-VAR ħassar dan il-penalty u ammonixxa lil Miovski minħabba simulazzjoni.

Huma komplew fuq l-offenisva u jintensifikaw fl-attakki tagħhom hekk kif bdew jivvertikalizzaw aħjar u fis-66 minuta fetħu l-iskor meta Bojan Miovski waqqa’ l-ballun preċiż lejn il-player ta’ Napoli, ELIF ELMAS, li permezz ta’ konklużjoni b’saħħitha mill-ewwel ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello. 

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maċedoni u fit-72 minuta, huma rduppjaw lskkor meta Enis Bardhi serva fuq platt tal-fidda lil DARKO CHURLINOV li minn anglu magħluq tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Iżda l-Maltin ma rmewx ix-xugaman, anzi wettqu reazzjoni tajba u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-86 minuta, naqqsu l-marġni tal-iskor meta Juan Carlos Corbalan xeħet cross fil-kaxxa li sab lil YANNICK YANKAM fil-pożizzjoni t-tajba fil-mument opportun u li minn taħt il-lasta, b’xi mod imbotta l-ballun fix-xibka, b’dan ikun l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tat-team nazzjonali Malti.

Fid-89 minuta, il-Maċedoni tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw it-tielet goal meta freekick insidjuż ta’ Enis Bardhi stampa mal-mimduda, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.

Malta issa tkun impenjata nhar il-Ħadd li ġej kontra l-Italja fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali f’partita illi tibda fid-8.45pm.

Maċedonja ta’ Fuq: 1-Stole Dimitrievski, 13-Stefan Ristovski, 14-Darko Velkovski (11-Darko Churlinov 56), 6-Visar Musliu, 8-Ezgjan Alioski (3-Stefan Ashkovski 78), 21-Jani Atanasov, 15-Gjoko Zajkov (4-Kire Ristevksi 92), 7-Elif Elmas, 10-Enis Bardhi, 9-Aleksandar Trajkovski (23-Ilija Nestorovski 56), 20-Bojan Miovski (19-Milan Ristovski 78) Coach: Blagoja Milevski

Malta: 1-Henry Bonello, 2-Cain Attard, 3-Ryan Camenzuli (15-Juan Carlos Corbalan 77), 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 8-Paul Mbong (10-Shaun Dimech 67), 13-Ferdinando Apap, 14-Alex Satariano (23-Jodi Jones 84), 17-Teddy Teuma (11-Brandon Paiber 85), 19-Bjorn Kristensen Coach: Michele Marcolini

Referee: Kristo Tohver (Estonja)

Ass. Referees: Silver Koiv, Sten Klaasen (Estonja)

Skorers: E. Elmas 66, D. Churlinov 72 (MĊD), Y. Yankam 86 (MLT)

Ammoniti: E. Alioski, E. Bardhi, B. Miovski, J. Atanasov (MĊD), B. Kristensen, T. Teuma, S. Borg, C. Attard (MLT)

Ekonomija

Sport