Friday, May 10, 2024

Euro 2024: Il-coach ta’ Malta Michele Marcolini konxju mill-qawwa tal-Italja

Aqra wkoll

Wara t-telfa ta’ 2-1 kontra l-Maċedonja f’partita valida minn Grupp C ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, illum Malta tilgħab kontra l-Italja fl-Istadium Naz­zjonali fejn mistenni li jkun mimli hekk kif l-Azzurri huma attrazzjoni speċjali. 

M’hemmx dubju li għal­kemm il-Maltin ġejjin minn telfa, huma jimmiraw li jkomplu jibnu fuq il-wirja qalbiena u nkoraġġanti li kellhom kontra l-Maċedonja.

Min-naħa tagħhom, it- Taljani wkoll ġejjin minn telfa bl-iskor identiku kontra l-Ingilterra u għaldaqstant rebħa biss tista’ tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Kulħadd huwa konxju tal-qawwa tal-kampjonat Taljan li huwa fost l-aqwa fl-Ewropa. Bl-eċċezzjoni ta’ Nicoló Barella, Leonardo Bonucci u Federico Chiesa, l-iskwadra hija komposta minn players straordinarju u għaldaqstant jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti … iżda mingħajr prużunzjoni, il-Maltin jimmiraw għal sorpriża storika. 

Intant, f’konferenza stampa li ġiet indirizzata mill-coach nazzjonali, Michele Marcolini, qal li mhuwiex sigriet li dan il-konfront se jkun wieħed mill-aktar diffiċli.

Madankollu, huwa saħaq li minkejja li ilu jaħdem ma’ dan il-grupp għal ftit ġimgħat,  jemmen fil-potenzjal tal-players tiegħu u għaldaqstant jimmiraw li joħorġu mill-ground b’rashom mgħollija.  

Huwa tenna li għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. 

Mistoqsi minn dan il-ġurnal rigward il-fatt li t-Taljani għadhom ġejjin minn telfa kontra l-Ingilterra, hux se jżid il-pressjoni fuq il-Maltin, Marcolini wieġeb li dan jista’ jkun il-każ, iżda rega’ sostna li l-qawwa tat-Taljani hija waħda indiskussa.

Tkellem ukoll Matthew Guillaumier, li lagħab ukoll għal sitt xhur fl-Italja ma’ Robur Siena matul l-istaġun li għadda. Huwa qal li din hija esperjenza unika għalih u għall-players sħabu li se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions renjanti Ewropej.

Marcolini, tenna wkoll li l-players jinsabu ppreparati u għaldaqstant jemmen li se joffru sfida denja lill-avversarji kkwotati ferm aktar minna minkejja li fl-iskwadra hemm bosta players ġodda. Dan filwaqt li huwa ddeskriva l-ambjent fid-dressing room Maltija bħala wieħed eċċellenti.

Sport