Friday, July 19, 2024

Euro 2024: Il-UEFA qed tinvestiga lit-Tork Merih Demiral

Aqra wkoll

Id-difensur tat-Turkija, Merih Demiral, qed jiġi investigat mill-UEFA wara li deher jagħmel tislima ultra-nazzjona­lista waqt ir-rebħa ta’ pajjiżu kontra l-Awstrija.

Demiral, 26 sena, skorja doppjetta hekk kif it-Turkija bbukkjaw posthom fil-kwarti-finali tal-Euro 2024 fejn se jaffrontaw lill-Olanda wara r-rebħa ta’ 2-1 fuq l-Awstrija.

Id-difensur ta’ Al-Ahli ċċelebra t-tieni goal tiegħu b’‘salut tal-lupu’, ġest assoċjat mal-grupp estremista tal-lemin estrem Grey Wolves li huma marbuta mal-partit ta’ koalizzjoni fil-gvern tat-Turkija – il-Partit tal-Moviment Nazzjonali.

Demiral qal li s-salut, li huwa pprojbit fl-Awstrija u Franza, kien ippjanat minn qabel f’każ li skorja.

“Kelli ċelebrazzjoni ta’ goal f’moħħi, li proprju għamilt,” qal Demiral.

“Kburi ħafna għax jien Tork, għalhekk wara l-goal ħas­sejtha ħafna li ridt nagħmel dan … u kuntent ħafna li għa­miltha.”

Demiral poġġa ritratt taċ-ċelebrazzjoni fuq il-kont X tiegħu bit-titlu: “Kemm inħossni kuntent min jgħid li jien Tork!”

L-investigazzjoni tal-UEFA nfetħet skont l-Artikolu 31(4) fir-rigward tal-“allegata mġieba mhux xierqa” ta’ Demiral.

Jekk jinstab ħati, Demiral jista’ jiġi mmultat jew jiffaċċja sospensjoni hekk kif it-Turkija qed tipprepara biex tegħleb lill-Olanda fil-kwarti-finali, is-Sibt li ġej, fid-9.00 pm. 

Il-Ministru tal-Intern Ġermaniż Nancy Faeser qalet: “Is-simboli tal-estremisti tal-lemin estrem tat-Turkija ma jappartjenux fl-istadia tagħna.

“Il-Euros m’għandhomx jintużaw biex jippromwovu r-­raz­ziżmu.”

Iċ-chairman tal-Partit tal-Moviment Nazzjonali, Devlet Bahceli, iddefenda lil Demiral u kkritika lill-UEFA għall-investigazzjoni tagħhom.

“Is-sinjal Grey Wolf, magħmul minn wieħed minn ulieda, Merih, wara li skorja … huwa l-messaġġ tan-nazzjon Tork lid-dinja,” qal Bahceli.

Huwa kompla: “It-tnedija mill-UEFA ta’ investigazzjoni f’dan il-kuntest hija kemm b’intenzjoni ħażina kif ukoll parti minn katina ta’ provokazzjonijiet li kisbu triq perikoluża fl-aħħar jiem.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport