Il-UEFA ssanzjonat sebgħa mill-24 pajjiż li pparteċipaw fil-Euro 2024 minħabba mġieba razzista jew diskriminatorja mill-partitarji tagħhom.
L-Assoċjazzjonijiet tal-football Serbi, Kroati, Rumeni, Sloveni, Awstrijaċi, Ungeriżi u Albaniżi kollha ġew dixxiplinati.
Il-pieni jvarjaw minn … multa għall-Kroazja ta’ €50,000 u sospiżi milli jbiegħu biljetti għal-logħba li jmiss tal-UEFA barra minn darhom, dik tan-Nations League fil-Portugall, fil-5 ta’ Settembru li ġej … għal multa ta’ €20,000 lill-Awstrija u ngħataw sospensjoni milli jbiegħu biljetti għall-partita li jmiss tal-UEFA, barra minn darhom, sospiża għal sentejn.
B’kollox, ġew identifikati 17-il logħba li fihom kien hemm kant razzist, inklużi tlieta li jinvolvu s-Slovenja, ir-Rumanija, il-Kroazja u s-Serbja.
Din il-mossa waslet jum wara li l-UEFA akkużat lill-players ta’ Spanja, Rodri u Alvaro Morata, talli kisru “regoli bażiċi ta’ kondotta” wara r-rebħa fil-finali tal-istess kompetizzjoni fuq l-Ingilterra bl-iskor ta’ 2-1 meta użaw kliem offensiv fil-kant tagħhom dwar il-pajjiż ta’ Ġibiltá.
Kienet l-FA ta’ Ġibiltá stess li ressqet ilment formali quddiem il-UEFA dwar dan u talbet li jittieħdu l-passi neċessarji.