Monday, July 15, 2024

Euro 2024: Illum jidħlu fix-xena l-Ingilterra

Aqra wkoll

Illum tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Euro 2024 liema tournament qed jintlagħab fil-Ġermanja, bl-aktar partita attraenti tkun dik bejn is-Serbja u l-Ingilterra, b’dawn tal-aħħar jibdew favoriti. 

Iżda qabel dan il-konfront, hemm żewġ logħbiet oħra mill-aktar interessanti … bejn il-Polonja u l-Olanda … u s-Slovenja kontra d-Danimarka.  

POLONJA v OLANDA – 3.00 pm

Din għandha tkun partita bejn żewġ timijiet li jridu jagħtu risposta lis-segwaċi tagħhom, partikolarment l-Olanda li wara perjodu ta’ transizzjoni,  naqqsu milli jik­kwa­lifikaw għal tournaments maġġuri.

Għall-Polonja din hija l-ħames parteċipazzjoni f’dan il-Kampjonat Ewropew, bl-erba’ preċedenti jkunu fl-2008, fl-2012, fl-2016 u fl-2020. 

L-unika darba li qabżu kull stennija kien fis-sena 2016 meta waslu sal-kwarti-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan jista’ jkun l-aħħar tournament għall-attakkant, Robert Lewandowski, li issa għandu 35 sena. 

Min-naħa tagħhom, l-Olandiżi għandhom storja pożittiva fil-kampjonati Ewropej fejn anke rebħu dan it-trofew fl-1988 filwaqt li waslu sas-semi-finali tliet darbiet … mill-10 darbiet li ħadu sehem. 

 Huma kellhom round ta’ kwalifikaz­zjoni mill-aktar pożittiv hekk kif il-grupp tagħhom kien jinkludi lil  Franza, l-Greċja u l-Irlanda 

Din se tkun l-20 laqgħa bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet bl-ewwel konfront kien intlagħab, fl-1 ta’ Mejju, 1968, f’partita ta’ ħbiberija, f’Varsavja, u ntemm fi draw ta’ 0-0. 

Ir-rekord bejn dawn iż-żewġ pajjiżi huwa  ta’ disa’ rebħiet għall-Olanda u tlieta għall-Pollakki, bis-seba’ l-oħra jintemmu fi draws ta’ mingħajr goals. 

L-Olandiżi huma attrezzati tajjeb f’kull dipartiment u għaldaqstant jibdew favoriti li joħorġu rebbieħa. 

 Din il-logħba se tintlagħab fil-Volksparkstadion ta’ Hamburg.

SlOVENJA v DANIMARKA – 6.00 pm 

Slovenja jinsabu f’din il-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni b’sodisfazzjon kbir wara li rnexxielhom jikkwalifikaw wara nuqqas ta’ 24 sena, dik tal-2000, li kienet ukoll l-  unika partiċepazzjoni.  

It-team immexxi mill-coach, Matjaz Kek, għandu muntanja quddiemu biex ikompli javvanza f’dan it-tournament meta l-grupp tagħhom jinkludi wkoll lid-Danimarka, lis-Serbja u lill-Ingilterra. 

Huma jinżlu għal dan il-konfront b’mo­ral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ fuq il-Portugall. 

L-iktar player li għandu esperjenza notevoli fil-football internazzjonali huwa l-goalkeeper ta’ Atletico Madrid, Jan Oblak. 

Id-Daniżi jibdew bħala favoriti li jirbħu dan il-konfront. Madankollu l-coach Kasper Hjulmand wissa’ lill-players tiegħu biex iżommu saqajhom mal-art u jirrispettaw lill-avversarji tagħhom. 

Huma rebħu din il-kompetizzjoni fl-1992 wara li kienu ħadu post il-Jugoslavja minħabba l-politika interna fejn bdiet il-qasma tal-indipendenza tal-pajjiżi Etniċi. 

L-aspettativi huma għoljin u għaldaqstant hemm stennija kbira li tixħet pressjoni fuq bosta players bħall-goalkeeper Kasper Schmiechel, Christian Eriksen, Andreas Christensen, Rasmus Hojlund u Emil Hoj­bjerg li kollha għandhom esperjenza kbira minħabba li jilagħbu barra l-pajjiż.

Għandu jkun hemm dwell ferm interessanti bejn Hojlund tad-Daniżi u Benjamin Sesko tas-Sloveni li skorja 18-il goal fi 42 dehra ma’ RB Leipzig.

Il-logħba se tintlagħab fl-MHP Arena fi Stuttgart. 

SERBJA v INGILTERRA – 9.00 pm

Il-partitarji Ingliżi għandhom stennija kbira għad-debutt tat-team nazzjonali f’dan it-tournament minkejja li huma kemmxejn xettiċi dwar il-progress tat-Three Lions minħabba li fl-aħħar żewġ partiti ta’ ħbi­berija wrew inkonsistenza kbira. 

Erba’ snin ilu huma tilfu l-finali li ntlagħbet, f’Wembley Stadium, meta sfaw megħluba mill-Italja bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 3-2 wara li temmew fi draw 1-1.

Min-naħa tagħhom, din hija t-tieni darba li qed jipparteċipaw bħala Serbja wara li kisbu l-indipendenza mill-Jugoslavja … bid-dehra l-oħra tkun fl-2008. 

Huma għandhom bosta players ta’ esperjenza li kapaċi jagħmlu d-differenza bħal Sergej Milinkovic Savic u Aleksansar Mit­rovic (Al Hilal), Dusan Vlahovic (Juventus) u Dusan Tadic (Fenerbache). 

Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ pajjiżi … wara dak tat-3 ta’ Ġunju 2003, li kien partita ta’ ħbiberija f’Wembley Stadium fejn l-Ingliżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.  

Il-partita se tintlagħab fil-Veltins Arena f’Gelsenkirchen. 

Ekonomija

Sport