Saturday, July 20, 2024

Ir-riżultat kien sinjal li l-poplu jrid lill-Partit Laburista fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż- Il-PM

Aqra wkoll

“Għalkemm kellna riżultati differenti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-kunsilli lokali, kien hemm sinjal wieħed, dik li l-poplu iva jrid lill-Partit Laburista fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż u li jridu wkoll illi l-Partit Laburista jirrispondi hafna aħjar għall-prijoritajiet tiegħu”

Dan kien il-messaġġ b’saħħtu u ffukat li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fir-Rialto f’Bormla waqt attività politika wara l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Fid-diskors tiegħu, il-PM rrimarka kif il-fatt li l-prijoritajiet tan-nies inbiddlu huwa minnu nnifsu sinjal pożittiv.

Abela qal; “Dak li qabel kien fuq nett fil-lista tal-prijoritajiet tan-nies, issa nbidel għax l-għażliet li għamiltu intom, aħna dejjem irriflettejnihom fit-tmexxija tagħna, u dawk il-prijoritajiet indirizzajnihom”.

Qal li jifhem li l-poplu jrid ġid ekonomiku imma dak il-ġid irridu nirriflettuh fil-kwalità tal-ħajja mhux biss f’kemm jibqa’ flus fil-but. Dan ifisser mhux sempliċi impjieg biex persuna ddaħħal paga, imma karriera li stinkat għaliha, u li tħallilha ħin ta’ kwalità għall-familja. Semma li l-poplu jistenna mhux biss drittijiet ċivili imma sens akbar ta’ ġustizzja fejn kulħadd għandu dritt li jħossu parti mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. F’dan il-kuntest qal li l-poplu jivvota għall-prijoritajiet tal-pajjiż u jivvota għal min jemmen li joffri l-aħjar għal Malta.

Il-Prim Ministru sostna li l-manifest ‘Malta Flimkien’ u llum programm ta’ ħidma tal-Gvern, joffri bażi b’saħħitha, imma anke f’dak il-manifest, il-prijoritajiet irridu nimbuttawhom iktar lejn l-avvanz ambjentali u soċjali li joffri l-pjan tagħna.

Qal li rridu nġibu bidla fil-mentalità u l-bidla tibda minnu wkoll bħala Prim Ministru u Mexxej li jwieġeb b’umiltà. Dr Abela żied jgħid li dan kollu jkompli f’livell tal-eżekuttiv sħiħ tal-pajjiż u tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll sezzjoni mill-elettorat li fl-elezzjonijiet li għaddew ma tawx fiduċja fil-Partit Laburista u qal li lil dawn in-nies mhux biss jgħidilhom biex jitkellmu magħna imma jersqu ’l quddiem biex ikunu parti mill-bidliet li jemmnu fihom u li għandu bżonn dan il-pajjiż.

Abela sellem lill-kandidati kollha li f’dawn l-elezzjonijiet ikkontestaw f’isem il-Partit Laburista. Id-diskors ingħalaq b’messaġġ b’saħħtu biex kulħadd jingħaqad mal-Partit Laburista fit-twettiq ta’ dak li hu sewwa.

“Il-messaġġ tagħna matul il-kampanja elettorali kollha kien illi s-saħħa f’idejkom u s-saħħa f’idejkom mhux meta tivvutawlna biss imma anke meta tibagħtu l-messaġġ”, qal il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport