Friday, July 19, 2024

“It-triq għadha twila u diffiċli… ejjew ma nimlewx rasna”

-Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, f’attività politika quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN, filwaqt li saħaq li għamel kisbiet kbar fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, ammetta li t-triq għall-Partit Nazzjonalista għadha twila u diffiċli.

Wissa li, “għalkemm dan huwa riżulltat li jimlina b’aktar kuraġġ u sar għax ħdimna, ejjew ma nimlewx rasna… għadna ‘l bogħod imma nafu li bikom magħna qegħdin fit-triq it-tajba u nistgħu naslu”. Fid-diskors imqanqal u mimli attakki li repetutament Grech jagħmel, wiegħed li l-PN se jibqgħu umli u saqajhom mal-art.

Fl-indirizz tiegħu huwa beda biex qal li, “ħdimna li biex hekk iva, għamilna kisbiet kbar f’dawn l-elezzjonijiet. Imma, dawn l-elezzjonijiet irbaħtuhom intom. Intom li għandkom fehmiet differenti, li vvotajtu lill-PN għall-ewwel darba. Intom li f’dawn l-elezzjonijiet ivvotajtu għall-PN, partiti u nies oħrajn. Intom li fil-PN qegħdin taraw alterrnattiva. Intom il-Laburisti mweġġa’, intom li ma vvotajtux imma issa qegħdin tħarsu lejn il-PN u intom ukoll in-Nazzjonalisti li dejjem imxejtu wara din il-bandiera gloruża tagħna. Ikoll wassaltu għar-riżultat tat-8 ta’ Ġunju”.

Filwaqt li deher konvint b’rebħa Nazzjonalista meta n-numri uffiċjali juru mod ieħor, il-Kap tal-Oppożizzjoni elenka l-Kunsilli Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista. Saħaq li, “dan barra l-lokalitajiet l-oħrajn li fihom diġà kellna maġġoranza li żammejniha u saħħaħniha. L-istess żidna siġġijiet u saħħaħna l-voti kullimkien anke f’lokalitajiet b’maġġoranza Laburista. Grazzi. Bħalma bnejna din il-maġġoranza fil-lokalitajiet, aħna determinati li magħkom nibnu maġġoranza ġdida Nazzjonalista għall-pajjiż kollu”.

Minn hawn Grech beda r-retorika ta’ talb għal aktar voti u dan b’mod speċjali issa li l-elezzjoni li jmiss hija dik ġenerali. Dik tat-tmun tal-pajjiż. Insista li, “nhar is-Sibt kien l-ewwel pass fil-mixja tagħna lejn ġejjieni sabiħ imma dan seħħ bis-saħħa tagħkom. Issa qbadna t-triq li tista’ twassalna biex insiru pajjiż normali. Żrajtu tama ġdida ta’ gvern immexxi mill-PN”.

Min-naħa tiegħu huwa jemmen li l-Oppożizzjoni hija determinata li tibni maġġoranza ġdida nazzjonalista għax in-nies iridu jtejbu ħajjithom u jridu jwettqu bidla.

“Jien nagħti mertu lil kulħadd għax bis-saħħa ta’ kulħadd imxejna ‘l qudddiem. Jien se nibqa’ mmexxi ‘l quddiem poltika ta’ verità għax hija l-verità li tagħti ħelsien ġdid lill-poplu. Il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-elezzjoni ġab l-akbar ammont ta’ voti fil-Parlament Ewropew li qatt ġab f’dawn l-aħħar 20 sena kemm ilna nagħmluhom. Għamilna mira ta’ tliet siġġijiet fil-PE u lħaqniha. Mhux biss, imma naqqasna d-distakk bejn il-partiti”.

Fit-tmiem id-diskors Bernard Grech reġa’ tenna pjan ekonomiku ġdid li bih l-ekonomija “tikber u mhux tiħxien” u li se jkun, jekk jitla’, gvern għall kulħadd. Ħa ħsieb li jfakkar li, “biex immexxu Gvern ġdid għandna bżonn lilkom. Nhar is-Sibt fraħna għax id-distakk niżżilnieh għal 8,500 u niżżilna wkoll id-distakk tal-Kunsilli Lokali b’aktar min-nofs. Tliet snin oħra rridu nifirħu b’rebħa li tara partit nazzjonalista Gvern ġdid għal pajjiżna. It-triq qbadniha. Mil-lum nappella lil kull min jixtieq jagħti kontribut. Ersqu ‘l quddiem għax aħna nilqgħukom b’idejna miftuħin. Il-bieb se jkun miftuħ beraħ għalikom. Bħalma ġibna maġġoranzi ġodda f’dawn l-elezzjonijiet iva, nistgħu nġibu maġġoranza ġdida għal Gvern Nazzjonalista”.

Ekonomija

Sport