Monday, October 14, 2024

Euro 2024: Is-Serbja jgħaddu u Lukaku jisraq ix-xena

Aqra wkoll

Meta ntlagħab l-ewwel programm tal-għaxar u l-aħħar ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, is-Serbja saru s-16-il team li qata’ l-passaġġ tiegħu għall-fażi finali li se tintlagħab fil-Ġermanja. 

Iżda kien l-attakkant tal-Belġju, Romelu Lukaku, li seraq l-attenzjoni minħabba li skorja erba’ goals fir-rebħa ta’ 5-0 fuq l-Azerbaijan. 

Grupp A – Spanja, li temmew fl-ewwel post, għelbu lil Georgia 3-1, permezz ta’ Robin Le Normand (4), Ferran Torres (55) u auto-goal ta’ Luka Lochoshvili (72) filwaqt li Khvicha Kvaratskhelia (10) skorja għat-telliefa. 

Grupp F – Il-Belġju, rebbieħa ta’ dan il-grupp, irreġistraw rebħa mill-aktar komda meta għelbu lil Azerbaijan bl-iskor ta’ 5-0, b’dawn tal-aħħar jilagħbu għal aktar minn siegħa bi player inqas meta, fl-24 minuta, tkeċċa Eddy Israfilov.

Il-protagonista tar-Red Devils kien Romelu Lukaku (17, 26, 30, 37) meta skorja erba’ goals filwaqt li Leandro Trossard (93) issiġilla r-rebħa. 

B’hekk Lukaku kiser ir-rekord ta’ David Healy u Robert Lewandowski f’kampanja ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew meta skorja total ta’ 14-il goal. 

L-Isvezja, li spiċċaw fit-tielet post, għelbu lill-Estonja bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu minn Viktor Claesson (22) u Emil Forsberg (55).

Grupp G – Minkejja li s-Serbja temmew fi draw ta’ 2-2 kontra l-Bulgarija, huma xorta waħda għaddew grazzi għat-telfa tal-Montenegro għas-spejjeż tal-Ungerija. 

Il-goals tagħhom ġew skorjati minn Milos Veljkovic (17) u Srdjan Babic (82) filwaqt li Georgi Rusev (59) u Kiril Despodov (69) wieġbu għall-viżitaturi. 

L-Ungerija, li spiċċaw fl-ewwel post, għelbu lill-Montenegro bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers ikunu Dominik Szoboszlai (67, 68) u Adam Nagy (93) wara li Slobodan Rubezic (36) fetaħ l-iskor għal Montenegro li se jilagħbu fil-play-offs.  

Grupp J – Il-Portugall għelbu lill-Islanda 2-0, b’goals minn Bruno Fernandes (37) u Ricardo Horta (66). 

Sport