Friday, July 19, 2024

Euro 2024: It-Turkija fil-kwarti-finali wara nuqqas ta’ 16-il sena

Aqra wkoll

AWSTRIJA ……. 1     

TURKIJA ………..2

It-Turkija għelbu lill-Awstrija bl-iskor ta’ 2-1 biex ikkwalifikaw għall-kwarti-finali wara nuqqas ta’ 16-il sena meta l-aħħar darba li għamlu dan kien fil-Euro 2008.

Huma ma setgħux kellhom bidu aħjar minħabba li wara biss 58 sekondi huma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun ħabat karambola mad-difensuri Stefan Posch u Christoph Baumgartner fil-kaxxa ż-żgħira biex Me­rih Demiral kien pront u sammar il-ballun fix-xibka.

L-Awstrijaċi għamlu reazzjoni mmedjata fejn Baumgartner għeleb lill-goalkeeper, Mert Gunok, iżda l-ballun għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fil-ħames minuta, minn azzjoni ta’ corner, Baumgartner naqas li jolqot il-ballun fuq il-linja fatali biex seta’ kiseb id-draw għall-Awstrija.

Wara dawn l-azzjonijiet, il-partita bħal donna naqset mir-ritmu, bit-Torok ikunu aħjar territorjalment fejn bdew jikkontrollaw l-azzjonijiet tal-avversarji.

Peró, fit-tieni taqsima l-Awstrija ħarġu fuq l-offensiva fit-tentattiv li jiksbu l-goal tad-draw. U fit-52 minuta, huma setgħu għamlu dan meta Marko Arnautovic ġie żmarkat litterlament waħdu iżda ma rnexxielux jikkonkludi minħabba li l-goalkeeper Tork ħareġ minn postu biex jagħlaq l-ispazju u evita goal ċert.

Ta’ dan in-nuqqas huma pattew qares minħabba li fid-59 minuta, it-Torok irduppjaw meta minn azzjoni ta’ corner, MERIH DEMIRAL għola bejn Philipp Lienhart u Kevin Danso u b’daqqa ta’ ras stupenda niżżel il-ballun fix-xibka.

Iżda fis-66 minuta, l-Awstrija kisbu draw meta l-ballun waqa’ għand Michael Gregoritsch, minn azzjoni ta’ corner, u minn pożizzjoni angolata tefa’ ġewwa.

Kien goal li għolla l-moral għall-Awstrijaċi fejn ippressaw għall-goal tad-draw iżda t-Torok kienu organizzati tajjeb fid-difiża biex l-iskor baqa’ l-istess sas-suffara finali.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport