Saturday, July 20, 2024

L-INDUSTRIJA TAL-FILMS… FEJN SEJRIN

Aqra wkoll

It-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival li ġiet fi tmiemha l-Ħadd li għadda b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ esponiet aktar il-potenzjal li għandha Malta fl-industrija internazzjonali tal-films.

Dan l-avveniment bla dubju serva ta’ vetrina biex din l-industrija f’pajjiżna tibqa’ tikber u tiffjorixxi. Il-fatt li Malta issa għandha l-ħila li tattira films fosthom blockbusters, jawgura tajjeb għaż-żmien li ġej kemm bħala riklam turistiku għal pajjiżna u anke bħala kontribut li din l-industrija tista’ tagħti lill-ekonomija nazzjonali.

Il-prestiġju ta’ dan il-festival joħroġ ukoll mill-fatt li pajjiżna qed ikompli jkabbar il-fama tiegħu li joffri pjattaforma lill-aqwa xogħlijiet ċinematografi Mediterranji u anke lil hinn. Apparti hekk, huwa ta’ sodisfazzjon li dan l-avveniment ġie rrapportat bi prominenza fil-midja internazzjonali anke minħabba l-preżenza ta’ diversi artisti u atturi rinomati li ġew f’pajjiżna.

Għalhekk dan il-festival irid jiġi mitqies f’kuntest aktar wiesa’ ta’ dak li se jkunu qed jiggwadanjaw minnu dawn il-gżejjer permezz ta’ din l-industrija. Biss biss, is-sena 2023 kienet l-aqwa ta’ kull żmien fl-istorja tal-produzzjonijiet tal-films f’pajjiżna, bil-prospetti għal din is-sena jidhru li se jkunu wkoll pożittivi.

F’dan il-kuntest, ninnutaw l-isforzi tal-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films biex jiġu attirati aktar produzzjonijiet lejn Malta iżda fuq kollox li jinħolqu aktar karrieri ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin f’din l-industrija.

Nemmnu li dan kollu jista’ jintlaħaq iżda jeħtieġ li jissokta l-investiment, jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema u jkomplu jiġu attirati iżjed produzzjonijiet. Għalhekk fl-isfond tal-100 sena anniversarju tal-film tagħna, se naraw il-ħidma tissokta f’din id-direzzjoni biex anke jkun irduppjat il-valur miżjud li jġib miegħu kull film fl-ekonomija ta’ Malta.

Kif qalet tajjeb il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt iċ-ċerimonja li ġabet fi tmiemha t-tieni edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival, il-promozzjoni kontinwa ta’ dan is-settur hija ta’ importanza kbira u essenzjali jekk l-industrija trid tiżviluppa f’wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija.

Nemmnu li Malta għandha kapaċità li tilħaq l-għanijiet tagħha wkoll f’dan is-settur. Diġà nkisbu riżultati notevoli imma għad fadal xi jsir biex jintlaħqu l-miri ppjanati sabiex pajjiżna jkompli jeċċella f’dan il-qasam.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport