Friday, July 19, 2024

Euro 2024: Konfront dirett bejn l-Olanda u Franza

Aqra wkoll

Fit-tliet partiti tal-lum tal-Euro 2024, l-aktar partita mistennija hija bejn żewġ eks champions, l-Olanda u Franza, li rebħa tarahom jikkwalifikaw għall-Aħħar 16 … bil-partiti l-oħrajn ikunu Slovakkja kontra l-Ukrajna … u Polonja kontra l-Awstrija. 

SLOVAKKJA v UKRAJNA – 3.00 pm

Dawn huma żewġ timijiet li esperjenzaw bidu kuntrastuż f’din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew, jaffrontaw lil xulxin f’konfront importanti minn Grupp E.

Is-Slovakki ġejjin minn rebħa memorabbli ta’ 1-0 fuq il-Belġju f’logħba li fil-veritá setgħu rebħu bi skor akbar u setgħu wkoll tilfu.

Dan minħabba li l-Belġjani kellhom żewġ gowls imħassra ta’ Romelu Lukaku. Iżda minkejja kollox, is-Slovakki ddefen­dew il-goal tajjeb li ġie skorjat minn Ivan Schranz wara biss seba’ minuti logħob.

Min-naħa tagħhom, l-Ukrajna ġejjin minn telfa diffiċli ta’ 3-0 kontra r-Rumanija, f’partita li huma ddiżappuntaw ferm.

Il-coach Serhiy Rebrov qed jistenna reazzjoni mill-players tiegħu u din għandha tkun l-partita biex jirriorganizzaw fit-tentattiv li jiksbu t-tliet punti u jpoġġu lilhom infushom fid-direzzjoni t-tajba.

Jekk min-naħa l-oħra joħorġu telliefa, ikunu f’pożizzjoni li jibdew jippreparaw il-bagalji għall-vjaġġ lura lejn pajjiżhom, bl-aħħar partita tkun kontra l-Belġju.

Dan se jkun it-tmien konfront bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fejn fis-sebgħa preċedenti, l-Ukreni rebħu tlieta, is-Sloveni tnejn filwaqt li ż-żewġ partiti l-oħra temmew fi draws.

Iż-żewġ timijiet ma għandhomx proble­mi ta’ players imweġġgħin.

Il-logħba se tintlagħab fil-Merkur Spiel Arena ta’ Dusseldorf.

POLONJA v AWSTRIJA – 6.00 pm

Fi Grupp D, il-pressjoni tinsab sew fuq dawn iż-żewġ timijiet hekk kif tilfu l-ew­wel konfront tagħhom.

Il-Polonja sfaw megħluba 2-1 mill-Olanda f’logħba li huma ma għarfux iżommu l-vantaġġ inizjali permezz ta’ Adam Buksa wara 16-il minuta hekk kif żewġ goals minn  Cody Gakpo u Wout Weghorst dawru telfa f’rebħa.

Il-coach Pollakk, Michal Probierz, jinsab kuntent li din id-darba jista’ jutilizza lill-attakkant ta’ Barcelona, Robert Lewandowski, li fil-partita preċedenti kien għadu qed jirkupra minn injury.

Barra minn hekk jista’ jinkludi wkoll liż-żewġ players, Karol Swiderski u Jakub Moder, li kienu strumentali fil-kwalifiki.

Min-naħa tal-Awstrija, jistgħu jħos­suhom sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta kontra Franza b’dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor  minimu ta’ 1-0 liema goal wasal minn auto-goal sfortunat ta’ Maximi­lian Wober.

Li kieku l-Awtrijaċi ħadu xi ħaġa minn dan il-konfront ma kienu jisirqu xejn minħabba li taw daqskemm qalgħu kontra team li huwa fost il-favoriti li jirbħu dan it-tournament.

Il-coach, Ralf Rangnick, kien sodisfatt ħafna bil-wirja tal-players tiegħu, tant, li għal din il-partita mistenni jinżel bl-istess formazzjoni inizjali.

L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu kien fl-edizzjoni tas-sena 2008 meta l-konfront kien spiċċa fi draw ta’ 1-1.

Il-logħba se tintlagħab fl-Olimpiastadion ta’ Berlin.

OLANDA v FRANZA – 9.00 pm

Dan hu konfront bejn żewġ eks cham­pions Ewropew – l-Olanda fl-1988 u Franza fl-1984 u fl-2000.

Dawn iż-żewġ timijiet rebħu l-ewwel partita tagħhom u għaldaqstant jimmiraw li jkomplu mexjin f’din it-triq biex jaqtgħu l-passaġġ tagħhom għall-Aħħar 16.

Filwaqt li l-Olandiżi dawru telfa f’reb­ħa kontra l-Polonja, il-Franċiżi kellhom iħallsu prezz qares għar-rebħa fuq l-Awstrija hekk kif l-attakkant, Kylian Mbappe, kellu jħalli l-ground lejn it-tmiem minħabba li kiser imnieħru. 

Għaldaqstant teżisti probabbiltá kbira li dan il-player, li għadu kif ingħaqad ma’ Real Madrid, ma jilgħabx.

Iżda jekk jagħmel dan ikollu jilbes maskra protettiva.  Fil-fatt l-aħħar aħbarijiet mill-kamp Franċiż sostnew li Kingsley Coman jinsab lest biex jilgħab fil-pożizzjoni jekk tkun vakanti.

Anke jekk Mbappe jkun nieqes, it-team immexxi mill-coach, Didier Deschamps, jibda bħala favorit li jikseb it-tliet punti u l-kwalifikazzjoni. Iżda biex jagħmel dan irid jinsa l-wirja kontra l-Awstrija.

Min-naħa tal-coach Olandiż, Ronald Koeman, mistenni jilgħab l-istess formaz­zjoni li beda kontra l-Pollakki għalkemm Donyell Malen jista’ jieħu post Xavi Simons fl-attakk b’Jeremie Frimpong  jista’ jkun alternattiva oħra.

Il-partita se tintlagħab f’Leigzig Sta­dium, fil-belt ta’ Leipzig.

Ekonomija

Sport