Saturday, July 20, 2024

Ibburdjar: Artie III mistenni jsir l-ewwel jott Maltija li ttellaq fl-Aegean 600

Aqra wkoll

Artie III, il-jott ta’ Lee Satariano u Christian Ripard, mistennija li tkun l-ewwel jott Maltija li tikkompeti fit-tellieqa Aegean 600 offshore f’Lulju. Dan skond il-lista tal-jottijiet li rreġistraw sa’issa.

Il-korsa tat-tellieqa għall-AEGEAN 600, li fiha 600 mil nawtiku,  tara bidu u tmiem tagħha ħdejn it-Tempju ta’ Poseidon fuq Cape Sounion u r-rotta tgħaddi minn 23 gżira xeniċi fil-Baħar Eġew.

Organizzata mill-Hellenic Offshore Racing Club, ir-raba’ edizzjoni tal-Aegean 600 wriet l-appell tagħha bi flotta ta’ madwar 70 dgħajsa, li jirrappreżentaw 25 pajjiż.  Notevolment, l-ekwipaġġ ta’ Artie III huma familjari ma numru ta’ jottijiet li diġa rreġistraw.

Il-ko-kaptani Lee Satariano u Christian Ripard  huma veterani tar-Rolex Middle Sea Race ospitata lokalment, b’Satariano ttellaq f’15-il tiġrija filwaqt li Ripard sa’ issa ha sehem fl-33 edizzjoni.  Jottijiet preċedenti ta’ Artie, dejjem taħt il-gwida ta Satariano u Ripard,  rebħu r-Rolex Middle Sea Race darbtejn – fl-2011 u fl-2014. 

Il-bqija tal-membri tal-ekwipaġġ tal-Artie III  ukoll għandhom esperjenza konsiderevoli ta’ tlielaq offshore u ħafna minnhom ilhom jtellqu fuq l-Artie III il-ġdid – HH42 – għal diversi snin.  Mas-CV tagħhom tat-tlielaq lil hinn mix-xtut hemm il-parteċipazzjoni fil-Kampjonati Ewropej ORC tal-2023 ospitati f’Malta u aktar reċentement it-tellieqa minn Palermo għal Montecarlo f’Awwissu 2023. 

Din l-esperjenza ta’ tlielaq offshore fil-Mediterran, se tkun ta’ vantaġġ għall-ekwipaġġ ta’ Artie III, minħabba li huma mistennija jiltaqgħu mal-“Meltemi,” riħ qawwi li hu karatteristika tal-Eġew matul il-perjodu tat-tiġrija. Magħruf  li jibda f’daqqa, il-Meltemi jista jdum jonfoħ għal jiem sħaħ.

“Mill-lum, Artie III hija l-unika dgħajsa Maltija li tieħu sehem f’din it-tellieqa,  li fiha hemm ħafna jottijiet u ekwipaġġi li huma familjari għalina.  Din it-tellieqa se sservina tajjeb hekk kif inħejju għar-Rolex Middle Sea Race tal-2024 f’Ottubru” irrimarka Lee Satariano, Artie III.

L-Aegean 600 se jibda fis-7 ta’ Lulju u l-ekwipaġġ bħalissa qed jagħmel it-tħejjijiet finali qabel isalpa lejn il-Greċja fil-jiem li ġejjin. 

“Ninsabu ħerqana ħafna għal din it-tellieqa u ma nistgħux ma nirringrazzjawx lill-isponsor tagħna Jeep Malta kif ukoll lil organizzazzjonijiet oħra li jtuna l-appoġġ fosthom Elmo Insurance, Manoel Island Yacht Yard, Marina di Valletta, u RLR Yachting Malta. L-għajnuna tagħhom ser tgħamel il-parteċipazzjoni tagħna f’din it-tellieqa possibbli” temm jgħid Satariano.

L-ekwipaġġ ta’ Artie III għall-Aegean 600 se jikkonsisti minn Lee Satariano u Christian Ripard (Ko-kaptani), Justin Busuttil, Nicky Fenech, Tim Davis, Simon De Gendt, Koen De Smedt, Jake Satariano u Toon Van Caneghem.

Ekonomija

Sport