Friday, July 19, 2024

Euro 2024: L-attenzjoni kollha fuq iċ-champions Taljani

Aqra wkoll

Meta llum tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Euro 2024, l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq iċ-champions Taljani hekk kif jibdew id-difiża tagħhom kontra l-Albanija. 

Fil-programm tal-lum hemm żewġ partiti oħra li huma meqjusa bħala bilanċjati fejn l-Ungerija jiltaqgħu kontra l-Isvizzera filwaqt li Spanja jaffrontaw lill-Kroazja. 

Ungerija v Svizzera – 3.00 pm

L-Ungerija kkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew għall-ħames darba fl-istorja tagħhom. Huma se jilagħbu kontra l-Isvizzera fl-ewwel ħarġa tagħhom fi Grupp A li jidher wieħed ferm ikkumplikat. 

It-team huwa mmexxi mill-coach Taljan, Marco Rossi, fejn wara li ma rnexxielhomx jaqbżu l-fażi tal-gruppi tliet snin ilu, se jippruvaw jagħmlu dan f’din l-edizzjoni.

L-Isvizzeri kellhom logħob ta’ kwalifikazzjoni ferm impenjattiv fejn spiċċaw fit-tieni post tal-klassifika wara l-leaders ir-Rumanija. Il-coach, Murat Yakin, kien qed jgħaddi minn skrutinju kontinwu mill-FA Svizzera iżda fl-aħħar mill-aħħar irnexxielu jżomm postu fit-tmun tat-team. 

F’dan il-konfront mistenni dwell inte­ressanti bejn l-Ungeriż, Dominik Szoboz­lai, li jilgħab ma’ Liverpool u l-Isvizzeru Granit Xhaka li jilgħab ma’ Bayer Lever­kusen. 

Din hija partita logħba li tista’ tmur kull naħa minħabba li hija meqjusa bħala waħda bilanċjata.

Il-logħba se tintlagħab f’Rhein Energie Stadium, f’Cologne.

Spanja v Kroazja – 6.00 pm 

Il-konfront klassiku bejn Spanja u l-Kroazja jiftaħ Grupp B li qed jissejjaħ bħala l-’grupp tal-mewt’ li jinkludi fih lill-Albanija u liċ-champions renjanti, l-Italja.

L-aspettattivi tal-partitarji Spanjoli hu­ma għoljin u għaldaqstant qed jixħtu ħafna pressjoni fuq il-players tagħhom biex ikollhom prestazzjonijiet aħjar milli kellhom fl-aħħar tournament kompetittiv … dak tat-Tazza tad-Dinja li sar fil-Qatar sentejn ilu. 

Madankollu dan il-grupp għandu jkun ukoll prova dwar il-potenzjal li għandu quddiemu l-coach, Luis de la Fuentes.

L-attakk Spanjol huwa wieħed letali hekk kif it-team skorja 38 goal f’sentejn ta’ logħob ta’ kwalifikazzjoni flimkien ma’ logħbiet ta’ ħbiberija. 

Attakkanti bħal Alex Grimaldo, Alvaro Morata u Nico Williams huma meqjusa bħala skorers prolifiċi, bid-difiżi avversarji żgur li se jsibuha diffiċli biex iżommu l-qaw­wa tagħhom. 

Anke l-Kroazja għandhom players li jippossjiedu talenti straordinarji kif ukoll skorers prolifiċi hekk kif skorjaw 22 goal f’dawn l-aħħar sentejn.  

Andrej Kramaric ta’ Hoffenheim jirriżulta bħala l-arma letali tal-Kroati hekk kif ġej minn 15-il goal staġjonali kif ukoll sitt assists fil-Bundesliga. 

Madankollu l-istess Kroati għadhom qed ifittxu l-kunfidenza u l-esperjenza ta’ Luka Modric li se jkun qed jilgħab għal darb’oħra f’fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.

Il-logħba se tintlagħab fl-Olympiasta­dion ta’ Berlin.

Italja v Albanija – 9.00 pm

Iċ-champions renjanti, l-Italja, jibdew id-difiża tat-titlu kontra l-Albanija. 

Dawn tal-aħħar waslu sal-fażi finali bil-mertu tagħhom hekk kif spiċċaw fl-ewwel post tal-grupp meta kisbu 15-il punt minn tmien logħbiet, daqs ir-Repubblika Ċeka. 

Issa li waslu għal din il-fażi għat-tieni darba fl-istorja, huma lesti li jħallu l-marka tagħhom, immexxija mill-coach Brażiljan Sylvinho, li hu magħruf għall-grinta tiegħu li kapaċi jittrasmettiha fil-players tiegħu. 

Minkejja li forsi huma meqjusa bħala l-aktar team dgħajjef, l-Albaniżi żgur li se jqumu għall-okkażjoni biex ikunu sfida denja għal kull avversarji hekk kif qed jimmiraw li jkunu s-sorpriża ta’ din l-edizzjoni. 

Min-naħa tagħhom, it-Taljani jridu jkomplu fejn ħallew tliet snin ilu meta r-reb­ħu din il-kompetizzjoni  billi għelbu lill-Ingilterra bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 3-2 wara li temmew fi draw ta’ 1-1 liema finali kienet intlagħbet f’Wembley Stadium. 

Huma ġejjin minn żewġ diżappunti kbar meta naqsu milli jikkwalifikaw għaż-żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja fl-2018 u fl-2022. 

Għalhekk din l-edizzjoni taħt ir-res­ponsabbiltá tal-coach Luciano Spalletti, irid ikun hemm kontinwita’ fuq dak li bdew  tliet snin ilu. 

L-unika problema għat-Taljani hija n-nuqqas tal-attakkat li għandu intuwizzjoni naturali lejn ix-xibka avversarja, Gian­luca Scamacca, minħabba li qed jirkupra minn injury. 

Il-logħba se tintlagħab fil-BVB Stadium ta’ Dortmund.

Ekonomija

Sport