Friday, July 19, 2024

Euro 2024: Partita diretta bejn it-Turkija u l-Portugall

Aqra wkoll

Hekk kif illum jintlagħab l-aħħar programm tat-tieni ġurnata tal-Euro 2024, il-partita minn Grupp F, bejn it-Turkija u l-Portugall, tisraq ix-xena meta hija logħba diretta hekk kif ir-rebbieħ ikompli javvanza f’dan it-tournament.

Barra minn hekk, minn Grupp E, il-Belġju jridu bilfors jirbħu kontra r-Rumanija.

GEORGIA v REP. ĊEKA – 3.00 pm

Georgia jilagħbu kontra r-Repubblika Ċeka minn Grupp F fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet biex jibqgħu jittamaw għall-kwalifikaz­zjoni mal-Aħħar 16.

Dan minħabba li t-tnejn ġejjin minn telfa u għadhom mingħajr l-ebda punt. Naturalment, telfa tkun tfisser li jkunu fix-xifer tal-eliminazzjoni.

Fl-ewwel partita, id-debuttanti Georgia sfaw megħluba mit-Turkija bl-iskor ta’ 3-1 iżda żgur li ma ġewx umiljati. Anzi l-iskor ma jagħtix l-andament tal-logħba minħabba li riżultat ta’ draw kien aktar ikun ġust.

Huma sofrew it-tielet goal fl-aħħar azzjo­ni tal-logħba meta sa ftit sekondi qabel resqu viċin li jiksbu d-draw f’żewġ okkażjonijiet.

Punt interessanti huwa li l-Gorġjani għandhom bosta players individwali li bbrillaw u mpressjonaw kontra t-Torok.

Barra minn hekk, l-attakkant Georges Mikautadze daħal fl-istorja tal-football ta’ pajjiżu meta sar l-ewwel player li skorja għal pajjiżu f’din il-kompetizzjoni. 

Ir-Repubblika Ċeka ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu fil-vantaġġ għal ħafna ħinijiet kif ukoll kienu l-aħjar team għal perjodi twal.

Iżda huma sofrew il-goal tat-telfa pro­prju fl-aħħar azzjoni tal-partita li żgur li ma kienx jimmeritahom joħorġu b’idejhom voj­ta.

Din għandha tkun logħba missielta bejn żewġ timijiet li jilagħbu football sabiħ u offensiv u teżisti possibbiltá li se naraw bosta goals.

Il-logħba se tintlagħab fil-Volksparkstadion ta’ Hamburg.

TURKIJA v PORTUGALL – 6.00 pm

Dan il-konfront għandu jkun spettaklu bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa u li fil-logħba preċedenti paxxew lid-dilettanti tal-football bil-wirja impekkabbli tagħhom.

It-Torok, immexxija mill-coach Taljan Vincenzo Montella,  ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Georgia fejn urew li huma team veloċi li ma jridx jingħata spazju minħabba li huwa kapaċi jisfrutta kull indeċiżjoni tal-avversarji.

Barra minn hekk huma għandhom lill-figlio d’arte, Arda Guler, li se jkun l-istilla tal-ġenerazzjoni futura. S’issa huwa skorja l-isbaħ goal tat-tournament meta xeħet lit-Torok fil-vantaġġ (2-1) b’mod temporanju.

Għaldaqstant huma jinżlu għal din il-partita b’moral għoli iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji.

Min-naħa tal-Portugall, l-attakkant Cristiano Ronaldo kiseb rekord ġdid hekk kif deher fis-sitt Kampjonat Ewropew. Huwa kien viċin li jiskorja kontra ċ-Ċeki iżda ġie mċaħħad mil-lasta. Fuq kollox spikka Francisco Conceicao li daħal bħala sostitut u skorja l-goal tar-rebħa.

Il-coach, Roberto Martinez, deher  kuntent bir-reazzjoni tat-team tiegħu għalkemm qed jitlob aktar dixxiplina u konċentrazzjoni fid-difiża li bdiet tinqabad bosta drabi mill-kontrattakki tal-avversarji.

Il-logħba se tintlagħab fil-Westfalenstadion, fil-belt ta’ Dortmund.

BELĠJU v RUMANIJA – 9.00 pm

Il-Belġju jridu jwettqu wirja aktar konvinċenti fit-tieni logħba tagħhom f’dan it-tournament meta jiffaċċjaw lir-Rumanija.

It-team immexxi mill-coach, Domenico Tedesco, ġej minn telfa mhux mistennija ta’ 1-0 kontra s-Slovakkja f’logħba li kien fiha minn kollox. Fil-fatt wara li marru minn taħt, il-Belġjani kellhom żewġ goals ta’ Romelu Lukaku li ġew imħassra minħabba offside u handsball rispettivament.

Ir-Rumeni ġejjin minn rebħa impressjonanti ta’ 3-0 kontra l-Ukrajna f’logħba fejn huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Nicolae Stanciu, Razvan Marin u Denis Dragus skorjaw il-goals importanti li jistgħu jkunu determinanti għall-kwalifikazzjoni mal-Aħħar 16.

Il-coach, Edward Iordanescu, kien ferm kuntent bil-wirja tat-team tiegħu għalkemm wissa lill-players biex jirrispettaw lill-avversarju minħabba li se jilagħbu kontra team ferut iżda determinat … għax b’rebħa l-Belġjani jibqgħu jittamaw.

Min-naħa tagħhom, dawn tal-aħħar jittamaw li Romelu Lukaku jkun iktar fortunat għax jemmnu fil-potenzjal tiegħu u li huwa skorer naturali.

Għar-Rumanija, punt ikun biżżejjed biex ir-Rumeni jaqtgħu l-passaġġ għal mal-Aħħar 16.

Il-logħba se tintlagħab fir-Rheinenergies Stadion, fil-belt ta’ Cologne. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport