RUMANIJA….. 0
OLANDA…….. 3
L-Olanda kkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-Euro 2024 meta għelbu lir-Rumanija bl-iskor ta’ 3-0.
Peró dan ir-riżultat ma jirriflettix id-dominanza tal-Olandiżi minħabba li fallew patafjun ta’ okkażjonijiet ta’ skor.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fl-14-il minuta min-naħa tar-Rumanija meta d-difiża Olandiża nqabdet fuq sieq waħda iżda Dennis Man minn pożizzjoni ferm ideali falla l-mira.
Peró, sitt minuti wara, kienu l-Olanda li fetħu l-iskor meta CODY GAKPO ħa ballun fuq ix-xellug, daħal fil-kaxxa u b’xutt imdawwar għeleb lill-goalkeeper, Florin Nita.
Fis-27 minuta, l-Oranje kienu għoddhom irduppjaw meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun wasal għand Stefan de Vrij u bl-għajta tal-goal, il-ballun spiċċa fuq in-naħa ta’ barra tax-xibka.
Fil-31 minuta, l-Olandiżi reġgħu heddew meta Denzel Dumfries xeħet cross fil-baxx lejn Memphis Depay li kien lest biex jitfa’ l-ballun fix-xibka iżda d-difensur, Radu Dragusin, antiċipa fil-ħin biex xeħet f’corner.
Fl-44 minuta, Xavi Simons falla ċans tad-deheb għall- Olanda meta filwaqt li d-difensur Rumen, Bogdan Racovitan, beda jistenna l-ballun sejjer barra, Dunfries seraqulu u għadda mill-ewwel li Simons li kien f’pożizzjoni mill-aqwa iżda dam jaħsibha biex ġie nnewtralizzat fil-ħin.
U l-fatt li tilfu bosta ċansijiet, l-Olandiżi kienu se jiġu kkastigati minn xutt imdawwar ta’ Denis Dragus iżda sab lill-goalkeeper, Bart Verbruggen, attent.
Fl-54 minuta, l-Olanda fallew ċans ieħor meta Depay għamel l-impossibbli u minn żewġ metri bogħod ma laqatx tajjeb il-ballun biex Dragusin kien pront u tajjar il-periklu.
Fit-58 minuta, minn azzjoni ta’ corner, Virgil van Dijk għola fuq kulħadd iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet mċaħħda mill-wieqfa.
Tliet minuti wara Gakpo kellu goal imħassar għal pożizzjoni ta’ offside.
L-Oranje komplew jiddominaw u komplew ifallu ċans wara ieħor … sakemm fit-83 minuta Donyell Malen irdoppja wara xogħol tajjeb minn Gakpo.
U bil-logħba mirbuħa u mitlufa, fl-94 minuta, l- Olandiżi ssiġillaw ir-rebħa meta f’kontrattakk veloċi Donyell Malen venven xutt għar-rokna tax-xibka.