Monday, July 15, 2024

Euro 2024: Slovenja u d-Danimarka jtemmu fi draw meritat

Aqra wkoll

Slovenja ….…….1

Danimarka …….1

Slovenja u d-Danimarka spiċċaw fi draw meritat ta’ 1-1 hekk kif id-Daniżi kienu l-aħjar team fl-ewwel taqsima iżda wara l-mistrieħ is-Sloveni qamu għall-okkażjoni.

Mas-suffara inizjali, id-Daniżi ħarġu fuq l-offensiva u bdew jiddettaw il-logħob iżda ma setgħux jippenetraw id-difiża avversarja.

Madankollu l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet min-naħa tas-Sloveni hekk kif, fis-16-il minuta, Benjamin Sesko ingħata wisq spazju mid-difensuri Daniżi u b’xutt minn 20 metru bogħod ra t-tentattiv tiegħu jintemm ftit barra.

Iżda minuta wara, kienu d-Daniżi li fetħu l-iskor meta CHRISTIAN ERIKSEN xeħet fix-xibka wara li rċieva mingħand Jonas Wind.

Fit-tieni taqsima, is-Sloveni biddlu t-tattika tagħhom u għamlu reazzjoni. Peró l-aħjar ċans wasal mid-Daniżi,  fl-64 minuta, meta Wind xeħet cross lejn Rasmus Hojlund li minn taħt il-lasti ra lill-goalkeeper, Jan Oblak, isalva b’mod kuraġġuż biex żamm lil sħabu fil-partita.

Żewġ minuti wara, is-Sloveni fallew ċans li jiksbu d-draw meta Adam Gnezda Cerin falla l-mira minn pożizzjoni ferm ideali.

Fis-76 minuta, Sesko kien ferm sfortunat meta b’xutt minn barra l-kaxxa ġie mċaħħad mill-wieqfa, bil-goalkeeper Daniż, Kasper Schmeichel, megħlub għal kollox. 

Iżda żewġ minuti wara, is-Sloveni kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun wasal għand Erik Janza u minn tarf il-kaxxa fajjar kanunata li ġiet devjata minn Morten Hjulmand bil-ballun jintemm fix-xibka.

Referee: Sandro Scharer (Svizzera)

Ekonomija

Sport