Wednesday, July 24, 2024

Euro 2025 tan-Nisa: Malta timmira li tikseb riżultat pożittiv kontra l-Bosnja

Aqra wkoll

Illum,  it-team nazzjonali tan-Nisa jilgħab barra minn daru kontra l-Bonsja Herzegovina liema partita hija valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2025.

Proprju, nhar il-Ġimgħa li għadda, iż-żewġ timijiet iltaqgħu fis-Centenary Sta­dium fejn il-Bosnjaċi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, bil-Maltin jiddiżappuntaw bil-kbir minħabba li ma laħqux il-livell mixtieq. 

Il-coach, Manuela Tesse, esprimiet id- diżappunt tagħha bir-riżultat u bil-prestaz­zjoni fejn spjegat kif il-partita kienet tieħu direzzjoni differenti li kieku l-Maltin skorjaw minn ċans ideali ftit qabel mal-avversarji skorjaw l-uniku goal li ddeċieda l-partita.  

Apparti l-vjaġġ strapazzuż li kellha l-is­kwadra Maltija lejn il-belt ta’ Crkvicko, Tesse u l-istaff tekniku kellhom janalizzaw il-logħba ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda biex jindirizzaw l-iżbalji min-naħa tat-team Malti li fil-veritá xejn ma kien għall-altezza tiegħu.  

“Dejjem tkun diffiċli meta l-affarijiet ma jmorrux kif ippjanat, iżda l-intoppi jistgħu jwasslu wkoll għal opportunitajiet pożittivi u hekk qed nipprovaw nagħmlu.”

Patricia Ebejer, li ħadet post Janice Xuereb bejn il-lasti, kellha logħba pożittiva u wriet li hija goalkeeper ta’ fiduċja sħiħa u għaldaqstant tidher li se tkun il-goalkeeper tal-futur. Hija tnissel ukoll kunfidenza fl-erba’ difensuri ta’ quddiemha.  

Tesse hija konxja ferm li l-partita tal-lum se tkun waħda diffiċli u l-pressjoni tinsab fuq il-players tagħha minħabba li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u rebħa biss tista’ taċċertahom li jinqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika. 

Barra minn hekk, l-avversarji għandhom iċ-ċans li jissiġillaw it-tieni post fil-grupp li jkun ifisser li jiksbu ċ-ċans jilagħbu fil-playoffs tal-promozzjoni.

Tesse hija konvinta li l-players huma wkoll diżappuntati u għaldaqstant jridu jpattu għat-telfa ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda. 

Peró, minkejja li dan l-impenn huwa diffiċli, teżisti possibbiltá li l-Maltin jiksbu riżultat minħabba li l-avversarji tagħna mhumiex daqstant superjuri. 

“Ninsabu f’sitwazzjoni li l-pressjoni tinsab fuq il-players tagħhom. Għaldaqstant dan huwa ċ-ċans għalihom biex juru r-reżiljenza tagħhom u jqumu għall-okkażjoni.” 

Madankollu, Tesse stqarriet ukoll li wieħed irid ikun realistiku biex jifhem li kull riżultat ħlief rebħa, se jfisser li Malta se tkun relegata għal-League C.

Il-partita se tintlagħab fl-FF BH Training Ground, f’Zenica, u se  tintwera diretta fuq TVMSport+.

Ekonomija

Sport