Sunday, November 24, 2024

Euro waterpolo U19: Il-Maltin bit-tieni rebħa minn daqstant logħbiet

Aqra wkoll

It-team Malti ta’ Taħt id-19-il sena kiseb it-tieni rebħa minn daqstant logħbiet meta din id-darba għeleb lit-team ospitu, il-Polonja, fi Grupp C tat-tournament ta’ kwalifikaz­zjoni tal-LEN Under/19 Waterpolo Championship 2024 li qed isir f’Lodz.

Din ir-rebħa waslet wara li nhar il-Ġimgħa l-Maltin għelbu lis-Slovakkja 15-7 f’logħba oħra dominanti u impressjonanti biex illum għandhom ċans li jispiċċaw fil-quċċata u b’hekk jgħaddu għall-finali meta team wieħed biss jikkwalifika minħabba li l-Bulgarija diġá kkwalifikaw meta se jospitaw il-finali huma.

Bħal ma kien il-każ kontra s-Slovakkja, il-Maltin rebħu l-erba’ sessjonijiet, u dan juri li t-team li jinsab taħt il-gwida tal-coach Niki Lanzon qed irodd il-frott tat-taħriġ li qed jingħata b’ħafna mill-players li qed jkunu fost l-iskorers fil-Polonja narawhom isibu x-xibka regolarment fil-Kampjonat tax-Xitwa. 

Sa tmiem l-ewwel sessjo­ni l-Maltin fetħu vantaġġ ta’  tliet goals mingħajr ma ħal­lew lill-Pollakki jsibu x-xibka. L-ewwel goal wasal minn penalty kommess minn Wiktor Staniszewski li minnu Jayden Cutajar ma żbaljax.

It-tieni goal ġie minn sors mhux tas-soltu meta kien Kieyan Borg li għeleb lil Jan Skalinski waqt li t-tielet wieħed wasal minn Alec Fenech meta l-Maltin kellhom vantaġġ numeriku wara li tkeċċa Mateusz Ciula.

Fit-tieni sessjoni l-Maltin reġgħu skorjaw tlieta oħra wara li l-Polonja naqqsu d-distakk minn Piotr Ked­zior li kellhom player iktar fil-pitch. Iżda tliet goals konsekuttivi li kollha ġew minn logħob miftuħ raw il-players tagħna jagħmlu l-iskor 6-1. Dawn ġew skorjati permezz ta’ Alec Fenech, Jayden Cutajar u Jake Cachia.

Anke t-tielet sessjoni rat lil Maltin jiskorjaw tliet goals oħra kontra tnejn mill-Pollakki biex issa l-iskor sar 9-3 u r-rebħa kważi ċerta.

Jayden Cutajar għamilhom 7-1 bi player iżjed u Jake Cachia 8-1. Imbagħad Filip Szulc skorja minn pe­nalty għall-Pollakki bħal ma għamel warajh Alec Fenech bis-sessjoni tagħlaq 9-3 meta Piotr Kedezior naqqas il-marġni għal Polonja.

Fir-raba’ u l-aħħar sessjoni Wiktor Staniszewski reġa’ skorja għall-avversarji tagħna, iżda l-aħħar kelma ġiet min-naħa tal-Maltin li żiedu żewġ goals oħra permezz ta’ Jake Cachia u Alec Fenech minn logħob miftuħ.  

Polonja: Jan Skalinski, Pawel Broniecki, Piotr Kedzior 2, Jan Zabski, Filip Szulc 1, Wiktor Staniszewski (captain) 1, Bartosz Grabinski, Milosz Janicki, Mateusz Ciula, Alexander Pyrek, Michal Wajler, Kamil Greif, Igor Bankowski.

Malta: Zack Allen Dzanovic, Luigi Mallia, Julian Valletta, Jayden Cassar, Jake Cachia 3, Dean Bugeja, Max Zammit, Jayden Cutajar 3, Elijah Schembri, Kieyan Borg 1, Alec Fenech (captain) 4, Zak Cutajar Licari, Sven Livori,

Referees: David Alban (Franza), Jarrko Virtanen (Finlandja).

F’logħbiet oħra l-Polonja għelbu lill-Bulgarija 14-9       (2-0, 5-3, 5-4, 2-2) u s-Slovakkja għelbu lill-Bulgarija 13-12 (1-4, 3-2, 4-2, 5-4).

Illum Malta tilgħab mal- Bulgarija u l-Polonja mas-Slovakkja.

Sport