Fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, il-Fondazzjoni Kulturali “JP2” ser tospita lill-Eurode Youth Orchestra (EJO) mill-Ġermanja.
Din l-orkestra taż-żgħażagħ se ttella’ tliet avvenimenti f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex.
Nhar il-Ħamis, 22 ta’ Ottubru 2026 – jum il-festa liturġika – l-orkestra se tieħu sehem f’Quddiesa Solenni ċċelebrata mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. George Frendo, Arċisqof Emeritu, fis-6.15pm fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Porto Salve u San Duminku fil-Belt Valletta. Malli tintemm il-quddiesa, l-orkestra taż-żgħażagħ se ttella’ kunċert kommemorattiv fl-istess Bażilika.
Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ottubru 2026, l-orkestra Ġermaniża se terġa’ ttella’ l-kunċert kommemorattiv fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex, fis-7.30pm.
Nhar il-Ħadd, 25 ta’ Ottubru 2026, l-orkestra se tieħu ħsieb l-animazzjoni mużikali tal-Quddiesa tal-11.15am fis-Santwarju Nazzjonali tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Ta’ Pinu, fl-Għarb, Għawdex.
L-Eurode Youth Orchestra (EJO) hija assoċjazzjoni mużikali magħmula minn żgħażagħ strumentalisti avvanzati, ta’ bejn it-12 u l-24 sena, li ġejjin mill-Euregio – ir-reġjun li jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu l-fruntieri tal-Olanda, il-Ġermanja u l-Belġju.
Imwaqqfa aktar minn 30 sena ilu bl-isem “Our Symphony Orchestra,” ilha topera bl-isem Eurode Youth Orchestra mill-2011, taħt id-direzzjoni ġenerali ta’ Dr Martin Eibach. L-EJO hija appoġġjata minn edukaturi mużikali minn Aachen u Herzogenrath. Hija wkoll proġett ta’ kollaborazzjoni konġunta bejn l-Iskola tal-Mużika ta’ Herzogenrath u l-Iskola Sekondarja Muniċipali ta’ Herzogenrath. Bħala programm miftuħ, tattira bejn 35 u 50 żagħżugħ u żagħżugħa għal kull fażi tal-proġett.
Il-fażijiet tal-proġett isiru matul erba’ jew ħames tmiem il-ġimgħa kull sena u jinkludu workshops mużikali-kulturali u strumentali. B’kollaborazzjoni mal-mużiċisti żgħażagħ, jiġu żviluppati programmi mużikali impenjattivi. Dawn ivarjaw stilistikament minn mużika klassika u sagra sa mużika simfonika kontemporanja għaċ-ċinema u mużika pop, u jiġu ppreżentati f’kunċert wieħed jew tnejn kull sena. L-EJO huwa membru tar-Rheinische Arbeitsgemeinschaft Musik e.V. fi Viersen u ta’ Jeunesses Musicales Germany.
Mill-2010 ’l hawn, l-EJO ilu jżomm sħubija internazzjonali dejjiema mal-Gozo Youth Orchestra and Wind Band. Flimkien mad-direttur mużikali tagħha, Dr Joseph Grech, aktar minn 250 żagħżugħ u żagħżugħa pparteċipaw f’workshops u proġetti mużikali u interkulturali konġunti, fejn qasmu l-entużjażmu tagħhom biex idoqqu l-mużika flimkien kif ukoll l-għarfien tagħhom dwar il-pajjiżi ta’ xulxin.
Id-dħul għall-avveniment imsemmi huwa bla ħlas u l-pubbliku huwa mistieden jattendi.




