Friday, November 22, 2024

Evidenza li tista’ tixħet dawl ġdid fuq il-każ ta’ McCann?

Aqra wkoll

Il-familja ta’ McCann tinsab fuq ix-xwiek tistenna r-riżultati forensiċi wara li fl-aħħar sigħat instabu oġġetti li jistgħu jixħtu dawl ġdid fuq il-każ ta’ Madeleine. Dan ġie rrappurtat mill-gazzetta Portugiża ‘Correio da Manha’.

Iktar kmieni din il-ġimgħa skattat tfittxija ġo ġibjun kbir f’Algarve, il-Portugall – post li huwa mifhum illi kien iffrekwentat ta’ spiss mis-suspettat ewlieni bil-ħtif ta’ McCann: Christian Brueckner, Ġermaniż ta’ 45 sena.

L-istess ġurnal kompla jgħid li ttieħdu diversi oġġetti mis-sit imsemmija sabiex isirulhom xi testijiet, fosthom ċinġa tal-bra, biċċiet tal-ħwejjeġ u oġġetti tal-plastik.

Apparentament l-investigaturi waslu għal din is-sejba wara li persuna b’rekords kriminali għaddiet xi informazzjoni lill-Pulizija Ġermaniża fejn għarrfithom li l-oġġetti li kellu l-allegat aggressur intremew f’dan il-ġibjun.

L-uffiċjali inkarigati mit-tfittxija f’Algarve ħaffru fil-fond sabiex ħadu kampjuni li sussegwentement intbagħtu lit-taqsima tal-forensika u għall-ittestjar tad-DNA fil-Ġermanja.

Għalkemm l-ewwel riżultati huma mistennija li jkunu lesti l-ġimgħa d-dieħla, hemm il-biża’ li l-familjari tagħha se jkollhom jistennew ix-xhur biex titlesta l-analiżi kollha.

Sport