Tuesday, April 30, 2024

Ir-Russja se tbigħ id-dar tal-vaganzi ta’ Zelensky biex tlaħħaq mal-ispejjeż tal-gwerra

Aqra wkoll

Il-gwerra li nħolqot wara li r-Russja invadiet l-Ukrajna jidher li bdiet tagħfas fuq il-finanzi tal-Kremlin. Dan jidher ukoll minn dak li qalet ir-Russja illi d-dar tal-vaganzi tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky fil-Krimea, bħal propjetajiet oħra, ġiet nazzjonalizzata u se tinbiegħ biex tgħin tiffinanzja l-invażjoni tal-Ukrajna.

Il-mexxej tar-reġjun tal-Krimea li tpoġġa mill-Kremlin illegalment fl-2014 meta r-Russja okkupat u għaqqdet magħha l-Krimea, Sergey Aksyonov, ħabbar id-deċiżjoni li jiġu nazzjonalizzati 57 proprjetà li jappartjenu lil biljunarji Ukreni, figuri pubbliċi u ċittadini barranin. Huwa rrappurtat li mill-ħarifa li għaddiet ‘il hawn ġew nazzjonalizzati madwar 700 proprjetà, inkluż assi li jappartjenu lill-politiċi Ukreni Serhiy Taruta u Arseniy Yatsenyuk, u n-negozjanti biljunarji Ukreni Ihor Kolomoyskyi u Rinat Akhmetov.

B’referenza għall-appartament tal-President Zelensky li hu reġistrat fuq isem martu, Aksyonov qal li l-Krimea se terġa’ tikseb id-drittijiet ta’ numru ta’ proprjetajiet inkluż bini f’Simferopol li jappartjeni lill-Parlament tat-Tatar tal-Krimea kif ukoll il-flat ta’ Olena Zelenska. Qal ukoll li l-għedewwa tar-Russja mhux se jibqgħu jagħmlu aktar flus minn propjetajiet fil-Krimea ‘Russa’.

Zelensky u martu xtraw l-appartament f’Livadia fl-2013 iżda qatt ma għexu hemm b’mod permanenti minħabba xogħlijiet li kienu għaddejjin u l-annessjoni tal-Krimea mar-Russja. Skont il-midja Russa kkontrollata mill-istat, il-‘penthouse bi tliet kmamar tas-sodda’ tal-koppja Zelensky tiswa madwar £647,000.

L-aġenzija tal-aħbarijiet statali Russa TASS irrappurtat li l-qligħ kollu mill-bejgħ ta’ dawn il-propjetajiet se jmur ukoll għall-familji ta’ suldati maqtula fl-azzjoni u dawk tal-irġiel imsejħa bħala parti minn mobilizzazzjoni militari parzjali. Kemm TASS kif ukoll midja oħra Russa kkontrollata mill-istat ġew ikknsidrati bħala sorsi ta’ diżinformazzjoni bħala parti minn pjan li jinfluwenza favur ir-Russja.

Sport