Fi żjara fl-isptar privat Da Vinci, il-Prim Ministru Robert Abela nnota inizjattivi li qed isiru fis-settur tas-saħħa li jħallu l-ġid anki riżultat ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat. Il-Prim Ministru nnota kif dan l-isptar kien parti mill-pjan ta’ kontinġenza li qed jgħin fid-direttivi industrijali li l-Gvern jibqa’ jħoss li ma għandhomx post biex ibati l-pazjent. Fil-fatt, persuni li b’mod urġenti riedu jinqdew għal servizz ta’ tabib fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara, bdew jingħataw servizz minn dan l-isptar privat.
Fiż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Prim Ministru Abela ra l-investiment li sar f’apparat mediku modern, fosthom scanner MRI ġdid li parti minnu ġie ffinanzjat b’mod konġunt minn fondi Ewropej u fondi pubbliċi allokati mill-Gvern. L-investiment minn fondi Ewropej ġej mill-akbar pakkett ta’ fondi li kiseb pajjiżna fl-istorja li jkopri bejn l-2021 u l-2027.
Il-Prim Ministru rrimarka s-sodisfazzjon li s-settur privat qed igawdi wkoll minn din l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta u li minnhom qed igawdu n-nies. Il-pajjiż issa qed jagħmel użu minn dawn il-fondi taħt il-programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għall-2021-2027, li għandu l-għan li jżid il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea billi jappoġġja l-innovazzjoni u negozji żgħar u ta’ daqs medju.
Waqt iż-żjara tiegħu fid-Dipartiment tar-Radjoloġija tal-Isptar Da Vinci, il-Prim Ministru ra l-apparat tal-MRI li qed itejjeb l-effiċjenza operattiva tal-isptar. Il-Prim Ministru laqa’ wkoll l-investiment privat li l-isptar qed jagħmel biex jespandi d-dipartiment tal-emerġenza tiegħu, li bħalissa qed jilqa’ pazjenti mill-Isptar Mater Dei biex inaqqas il-piż fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza. Dan l-isforz jirrifletti l-impenn tas-settur privat li jikkontribwixxi għal sistema tas-saħħa aktar effiċjenti u sostenibbli f’pajjiżna.
Fid-diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-isptar, il-Prim Ministru enfasizza l-impenn tal-Gvern biex joffri aktar opportunitajiet ta’ finanzjament lil negozji u intrapriżi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għas-saħħa pubblika tal-pajjiż.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol straordinarju tal-professjonisti kollha fl-Isptar Da Vinci li qed jagħtu servizz eċċellenti lill-pazjenti u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.