Saturday, February 8, 2025

FA Cup: Aston Villa jilqgħu lil Tottenham fl-aqwa partita

Aqra wkoll

Għat-tieni darba din is-sena l-Premier Lea­gue Ingliż se jingħata l-ġenb biex jintlagħab ir-raba’ round tal-FA Cup li beda il-bieraħ bil-logħba bejn Manchester United u Lei­cester City u jintemm nhar it-Tlieta li ġej meta Exe­ter City jospitaw lil Nottingham Forest.

Iżda l-aqwa logħba fost is-16 li se jsiru se ssir għada fil-għaxija f’Villa Park li fiha Aston Villa jilqgħu lil Tottenham Hotspur.

Aston Villa v Tottenham – Bla dubju din hija l-aktar logħba attraenti mis-16 programmati bil-Villa qed ikollhom staġun sodisfa­ċenti anke fiċ-Champions League meta temmew fost l-ewwel tmien timijiet fil-Fażi tal-Kampjonat.

Min-naħa ta’ Spurs huma se jidħlu f’din il-partita diżappuntanti għall-aħħar wara li nhar il-Ħamis fal­lew iċ-ċans li jikkwalifikaw għall-finali tal-League Cup meta Liverpool għelbuhom 4-0 f’Anfield wara li t-team ta’ Londra kien rebaħ l-ewwel leg 1-0. 

Leeds U. v Millwall – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet taċ-Championship fejn Leeds United jinsabu għaddejjin fuq iċ-ċilindri kollha biex jirritornaw lura fil-Premier League mal-ewwel okkażjoni. Tant hu hekk li bħalissa qed jillidjaw il-klassifika waqt li l- Lions jinsabu fl-14-il post.

Leyton O. v Man City – Il-finalisti tas-sena l-oħra u champions renjanti tal-Premier League, Manchester City, għandhom passaġġ pjuttost faċli meta se jmorru għand Leyton Orient ta’ League One, fejn bla dubju m’għandux jonqos li jkomplu javvanzaw.

Huwa veru li s-City qed ikollhom bosta diffikultajiet fit-team dan l-istaġun iżda l-manager Pep Guar­diola se jagħmel minn kollox biex jara li t-team tiegħu ma jiġix umiljat.

Is-City rebħu l-logħba tat-tielet round meta għelbu lil Salford City ta’ League Two li huwa proprjetá tal-eks players tal-Klassi tat-92 ta’ Manchester United, bl-iskor kbir ta’ 8-0 fl-Etihad Stadium.

Coventry C. v Ipswich T. – Din hija logħba bejn team taċ-Championship u ieħor tal-Premier League li tista’ tkun waħda diffiċli għal tal-aħħar, l-iktar meta se jkunu qed jilagħbu barra minn darhom.

Li Sky Blues qed jokkupaw post komdu fiċ-Championship għalkemm kel­lhom ikunu l-penalties li bihom rebħu 4-3 u elimi­naw lil Sheffield Wednesday ta’ League One wara draw ta’ 1-1. 

Min-naħa tagħhom,  it- Tractor Boys għelbu lil Bristol Rovers mill-istess livell 3-0 f’darhom.

Everton v Bournemouth – Din hija logħba bejn żewġ timijiet tal-Premier League wara li t-tnejn qatgħu l-passaġġ b’rebħiet f’darhom, Everton 2-0 kontra Peterborough ta’ League One u ċ-Cherries warrbu għal kollox lil West Bromwich taċ-Championship 5-1

Il-logħba tista’ tmur kull naħa meta t-Toffeemen għandhom il-vantaġġ tal-ground u ċ-Cherries qed jagħtu logħba lil kull team. 

Preston v Wycombe W. – Preston taċ-Championship se jkollhom il-vantaġġ tal-ground kontra Wycombe Wanderers ta’ League One wara li t-tnejn rebħu f’darhom, il-Lilywhites 2-1 fuq Charlton u Wycombe 2-0 fuq Portsmouth.

Southampton v Burnley– Rebħiet kważi simili kisbuhom Southampton, li għelbu lil Swansea 3-0 f’darhom, u Burnley għelbu lil Reading ta’ League One 3-1 għand dawn tal-aħħar.

Il-logħba hija miftuħa meta s-Saints jinsabu l- aħħar fil-Premier League u Burnley it-tieni fiċ-Cham­pionship. 

Stoke C. v Cardiff C. – Logħba bejn żewġ timijiet taċ-Championship li għelbu avversarji mill-istess livell, Stoke lil Sunderland 2-1 u Cardiff lil Sheffield United 1-0, it-tnejn barra minn darhom.

Wigan A. v Fulham – Il-Cottagers se jkunu barra minn darhom kontra r- rebbieħa tat-tazza fl-2013, Wigan Athletic, wara li eliminaw lil Watford 4-1 home u Wigan lil Mansfield 2-0 away. Fulham jidhru favoriti netti li jkomplu għaddejjin.

Birmingham C. v Newcastle U.– Il-leaders ta’ Lea­gue One, Birmingham City se jilqgħu f’St Andrews lil Newcastle United, li nhar l-Erbgħa qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-League Cup kontra Liverpool, wara li eliminaw lil Lincoln City 2-1 u Bromley 3-1 rispettivament.

Brighton v Chelsea – Din hija logħba minn erbgħa bejn timijiet tal-Premier League bi Brighton marru xi ftit lura dan l-aħħar tant li anke għadhom kif tilfu 7-0 kontra Nottm Forest bl-avversarji tagħhom, Chelsea, qed ikollhom staġun tajjeb meta jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika.

It-tnejn kisbu rebħiet kbar, is-Seagulls 4-0 kontra Norwich City u l-Blues 5-0 kontra Morecambe ta’ League Two.

Blackburn R. v Wolves – L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fit-tazza kien 65 sena ilu meta Wolves ħarġu rebbieħa 3-0 f’Wembley Stadium. Biex jinsabu f’dan ir-round ir-Rovers għelbu lil Middlesbrough 1-0 away u Wolves lil Bristol City 2-1 away ukoll.

Plymouth v Liverpool – Il-leaders tal-Premier Lea­gue, Liverpool, se jmorru għand Plymouth Argyle li jinsabu fil-qiegħ taċ-Championship. Għalhekk ir-Reds m’għandux ikollhom diffikultá biex jik­­kwalifikaw għall-Aħħar 16.

Doncaster R. v C. Palace – Din hija logħba oħra bejn team ta’ League Two u ieħor tal-Premier League li fiha Crystal Palace għandhom ikunu tajbin biżżejjed biex ikomplu javvanzaw b’rebħa komda.

Exeter C. v Nottm F. – Finalment din hija logħba oħra bejn team żgħir u ieħor tal-Premier League fejn il-Forest għandhom ikunu tajbin ħafna biex jeliminaw lit-team ta’ League One,  Exe­ter City.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport