Meta nhar il-Ġimgħa l-Italja se tilgħab kontra l-Belġju fi Stadio Olimpico, f’Ruma, fl-ewwel logħba tagħha fil-UEFA Nations League 2026-27, it-team immexxi mill-coach, Roberto Mancini, se jkun mingħajr diversi players importanti. B’kollox, 10 players mhux se jkunu disponibbli għall-konfront, minbarra Alessandro Bastoni, li jinsab sospiż.
Bastoni, li jilgħab ma’ Inter, tkeċċa fl-aħħar partita kompetittiva tal-Italja, il-finali tal-play-off tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Bosnja Herzegovina f’Marzu. Għalkemm huwa ġie msejjaħ mat-team nazzjonali għal din il-waqfa internazzjonali, mhux se jkun jista’ jilgħab kontra l-Belġju minħabba s-sospensjoni tiegħu.
Mancini ħalla barra wkoll għaxar players oħra għal din il-partita. Dawn huma Massimo Pessina, Daniele Ghilardi, Eddy Kouadio, Matteo Ruggeri, Samuele Ricci, Nicolò Fagioli, Samuele Inacio, Nicolò Zaniolo, Antonio Vergara u Sebastiano Esposito. Għalkemm l-iskwadra sħiħa tal-Italja għal dawn il-partiti tinkludi 34 player, għal kull partita jistgħu jkunu eliġibbli biss 23 player.
Wara l-konfront kontra l-Belġju, l-Italja għandha programm impenjattiv. It-team se jżur it-Turkija mmexxija minn Vincenzo Montella nhar it-Tnejn li ġej. Imbagħad, fit-2 ta’ Ottubru, l-Italja tilgħab barra minn darha kontra Franza, qabel ma tilqa’ lit-Turkija, f’Bologna, fil-5 ta’ Ottubru.
Għalhekk, il-partita kontra l-Belġju se tkun l-ewwel opportunità għal Mancini biex jara kif it-team tiegħu se jlaħħaq mal-assenzi fil-kampanja l-ġdida tan-Nations League.




