Zinedine Zidane jinsab lest li jirritorna fit-tmexxija tal-football wara ħames snin ’il bogħod minn kariga ta’ coach. Huwa se jmexxi lil Franza għall-ewwel darba fil-konfront tal-UEFA Nations League kontra t-Turkija, f’Izmit. Zidane jidher li se jagħmel bidliet sinifikanti fit-tattika tat-team, fosthom fid-dispożizzjoni tal-attakkanti ewlenin.
Skont rapporti mill-midja Franċiża, Zidane beħsiebu juża formazzjoni 4-3-3 minflok il-4-2-3-1 li kien juża Didier Deschamps. F’din il-formazzjoni, Ousmane Dembele mistenni jilgħab aktar ’il quddiem, Michael Olise fuq il-lemin u Kylian Mbappe fuq ix-xellug.
Zidane kkonferma wkoll li Mbappe se jkun il-captain tat-team u qal li, għalkemm jista’ jilgħab fit-tliet pożizzjonijiet ta’ quddiem, huwa jippreferih fuq ix-xellug.
Il-bidliet jaslu fost rapporti dwar allegata tensjoni bejn Mbappe u Dembele. Din it-tensjoni suppost għandha x’taqsam ma’ kummenti dwar min jista’ jirbaħ il-Ballon d’Or ta’ din is-sena. Iż-żewġ players jinsabu fil-lista ta’ 30 kandidat għall-premju. Dembele kien rebaħ il-Ballon d’Or fl-2025 wara li għen lil Paris Saint-Germain jirbġu t-triple taħt il-coach Luis Enrique.
Dembele sostna li matul il-karriera tiegħu dejjem ħadem ħafna mingħajr ma fittex attenzjoni jew rikonoxximent. Minkejja r-rapporti dwar allegat kunflitt, Mbappe ċaħad pubblikament li hemm tensjoni bejnu u Dembele. Għalhekk, l-ewwel logħba ta’ Zidane se tkun importanti biex wieħed jara kif se jaħdem l-attakk il-ġdid ta’ Franza.




