Saturday, December 14, 2024

FA Cup: Il-holders Man City f’logħba diffiċli għand Tottenham

Aqra wkoll

Ir-rebbieħa renjanti tal-FA Cup, Manchester City, se jkunu nvoluti fl-aqwa logħba meta mill-bieraħ sa nhar it-Tnejn qed tintlagħab ir-raba’ round tat-tazza li hija l-aktar kompetizzjoni antika fid-dinja. Huma se jkunu fl-azzjoni fl-aħħar logħba tal-lum meta jmorru fit-Tottenham Stadium biex jiltaqgħu kontra Tottenham Hotspur.

L-FA Cup kienet waħda mit-tliet kompetizzjonijiet li fl-istaġun li għadda rebħu s-City biex għaqqdu t-Treble li kienet tinkludi wkoll il-Premier League u ċ-Champions League. Kif huma l-affarijiet it-team ta’ Pep Guardiola jinsab fl-istess sitwazzjoni biex jirrepeti l-bravura tas-sena l-oħra bl-istess tazzi.

Il-logħba bejn Spurs u s-City hija waħda minn ħames konfronti bejn timijiet tal-Premier League b’dik tal-lum ukoll, bejn Chelsea u Aston Villa, tkun waħda minnhom.

Il-Blues, friski wara li nhar it-Tlieta qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-League Cup, żgur li jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-ewwel unur lill-manager Mauricio Pochettino fl-Ingilterra.

Iżda l-avversarji tagħhom, Aston Villa, huma kapaċi li jkomplu javvanzaw ukoll meta l-manager tagħhom, Unai Emery, huwa espert fir-rebħ tat-tazzi bħal ma wera ma’ Sevilla meta rebħu l-Europa League tliet darbiet u darba oħra ma’ Villarreal.

Fulham, li nhar l-Erbgħa sfaw eliminati mil-League Cup, se jkunu qed jilqgħu lil Newcastle United f’logħba oħra bejn timijiet tal-Premier League.

Il-Cottagers għadhom qatt ma rebħu din it-tazza famuża waqt li l-Magpies ħaduha lejn St James Park sitt darbiet, l-aħħar darba fl-1954-55. Għalhekk wieħed irid jara min minnhom se jkun fil-polza tal-Aħħar 16.

Żewġ logħbiet oħra bejn timijiet tal-Premier League jinvolvu tlieta li jinsabu ‘l isfel fil-klassifika. Dawn huma Everton kontra Luton Town u Sheffield United kontra Brighton.

It-Toffeemen jidhru favoriti fuq il-Hatters waqt li s-Seasiders jinsabu fl-istess sitwazzjoni kontra l-Blades li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

Logħba ‘taħraq’ hija dik tal-Ħadd waqt il-ħin tal-ikel bejn ir-rivali ostili, West Brom u Wolves, b’dawn tal-aħħar għaddejjin minn perjodu pożittiv waqt li l-Albion jinsabu fost it-timijiet li qed jissieltu għall-promozzjni miċ-Championship.

Il-leaders tal-Premier League, Liverpool, li għadhom biċ-ċans li jirbħu erba’ unuri, se jkunu f’darhom kontra Norwich City taċ-Championship u għalhekk huma favoriti li jkomplu javvanzaw wara li nhar l-Erbgħa qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-League Cup.

Bristol City, li eliminaw lil West Ham wara replay, se jkunu f’Ashton Gate kontra Nottingham Forest li kellhom jitħabtu biex għelbu lil Blackpool ta’ League One wara l-ħin barrani tar-replay ukoll.

Il-programm jinkludi wkoll erba’ konfronti bejn timi­jiet taċ-Championship b’Manchester United m’għandhomx ifallu meta se jkunu barra minn darhom kontra Newport County ta’ League Two.

L-uniku team non-league li fadal, Maidstone United, se jkunu barra minn darhom kontra Ipswich Town li jinsabu t-tieni fiċ-Championship.

Ekonomija

Sport