Tuesday, May 14, 2024

FA Trophy: Sta Lucia jirbħu konfront dirett kontra Sirens

Aqra wkoll

Sta Lucia ……..4

Sirens …………1

Sta Lucia għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 4-1 biex pattew għad-diżappunt taż-żewġ telfiet fil-Kampjonat Premier kontra l-istess Pawlini bl-iskor ta’ 3-1 (fl-ewwel round) u 2-1 (fit-tieni round)

Huma kienu bla dubju l-aħjar team matul id-disgħin minuta biex kisbu rebħa meritata u fir-round li jmiss, huma jiltaqgħu mar-rebbieħ tal-konfront bejn żewġ timijiet taċ-Challenge League, Zebbug Rangers kontra St. Andrews.

Santa Lucia kellhom bidu mill-aqwa meta fit-tielet minuta rnexxielhom imorru fil-vantaġġ. Prestes Filho temm ġirja  b’xutt li ġie salvat parzjalment minn Sean Mintoff, Vito Plut ħa r-rebound u qassam lejn MEGHON VALPOORT li mill-viċin xeħet fix-xibka.

Fl-20 minuta, Santa Lucia rduppjaw meta Sirens tilfu l-pussess f’nofs il-ground, Plut ħa l-ballun u avvanza lejn l-lemin qabel qaleb lejn MEGHON VALPOORT li b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa ma żbaljax.

It-team immexxi minn Giovanni Tedesco baqa’ jinsisti u fis-26 minuta, minn cross ta’ Prestes Filho, Dexter Xuereb tefa’ ftit barra bir-ras

Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Santa Lucia għamluhom tlieta meta Silva Mota  rebaħ ballun f’nofs il-ground u avvanza qabel għaddieh lejn VITO PLUT li b’xutt djagonali għeleb lil Mintoff.

Il-coach ta’ Sirens, Wins­ton Muscat, għamel tliet bid­liet fil-bidu tat-tieni taqsima fit-tentattiv li t-team tiegħu jerġa’ jidħol fil-logħba. Huma urew ċertu titjib u fit-63 minuta, Vieira mpenja lil Haber b’daqqa ta’ ras wara free-kick ta’ Carlo Zammit Lonardelli.

Iżda fl-64 minuta, kienu Santa Lucia li reġgħu kab­bru l-iskor meta minn DEXTER XUEREB b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ għeleb lil Mintoff.

Erba’ minuti wara, Sirens naqqsu l-iżvantaġġ meta wara cross fit-tul ta’ Jacob Wal­ker, id-difiża kklerjat qasir, Carlo Zammit Lonardelli indirizza l-ballun lejn il-kaxxa b’xutt mill-ewwel u MARIOS LOMIS għeleb lil Haber bir-ras.

Fit-82 minuta Sirens spiċ­ċaw jilagħbu bi player  inqas meta tkeċċa Henrique Marcelino Motta għal żewġ karti sofor filwaqt li tliet minuti wara Alan Souza da Silva resaq viċin il-ħames goal iżda ġie mċaħħad mill-mimduda.

STA LUCIA: 16-Justin Haber, 4-Andre Prates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis, 8-Patrick Silva Mota (88-Emerson Camilleri 90), 9-Vito Plut (14-Jan Tanti 73), 11-Meghon Davidy Valpoort (10-Alan da Silva Souza 80), 17-Victor Luiz Prestes Filho (30-Brady Agius 90), 22-Jamie Zerafa (98-Kieran Xuereb 80), 23-Dexter Xuereb, 29-Lorenzo Yoel Soares Fonseca  – Coach: Giovanni Tedesco

SIRENS: 13-Sean Mintoff, 5-Henrique Marcelino Motta, 11-Alfred Effiong (23- Francis William Avoce 71), 15-Adrian Borg, 16-Timothy Tabone Desira (21-Carlo Zammit Lonardelli 46), 17-Jacob Walker, 30-Carlos Riascos Castillo, 31-Degran Jackson, 33-Vitor Vieira (22-Ale­xander Cini 92), 77-Carlos Flores (14-Diego Albanese 46), 88-Renato Cardoso Porto Neto (9-Marios Lomis 46).  – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Emanuel Grech

ASS. REFEREES: Edward Spiteri, Paul Apap

RABA’ UFF: Glen Tonna

SKORERS: M. Valpoort 3, 20, V. Plut 40, D. Xuereb 64 (SL); M. Lomis 68 (S)

AMMONITI: C. Riascos, H. Motta, J. Walker (S); J. Zerafa (SL)

TKEĊĊA: H. Motta 82 (S)

Sport