Tuesday, November 19, 2024

Faċilità tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani minn easyJet f’Malta

Aqra wkoll

Malta ġibdet lejha linja tal-ajru li se tibda taħdem fil-qasam tal-MRO fl-avjazzjoni, b’faċilità tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani. Dan wara ftehim bejn easyJet u SR Technics fejn tal-ewwel kisbet il-faċilità minn SR Technics u se żżomm il-ħaddiema eżistenti b’aktar investiment fil-faċilità f’Ħal Luqa. Fil-hangar issa ta’ easyJet, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern Malti qiegħed hemm biex jappoġġja din l-industrija importanti li timpjega mal-1,500 professjonist fosthom fil-qasam tal-inġinerija. Qal li dawn il-ħaddiema Maltin b’karrieri ta’ kwalità u dħul b’saħħtu għall-familji tagħhom jagħtu wkoll valur miżjud ta’ madwar €50 miljun fl-ekonomija Maltija

Il-Prim Ministru nnota t-tmexxija Maltija f’dawn il-faċilitajiet state-of-the-art li juru s-saħħa tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna bl-appoġġ ta’ bosta entitajiet bħal Malta Enterprise, Indis u Transport Malta. Fisser il-ftehim milħuq bejn easyJet u SR Technics bħala pass importanti fil-futur fil-qasam tal-avjazzjoni u rringrazzja lil SR Technics tal-preżenza tagħhom f’pajjiżna fejn ħarrġu bosta ħaddiema Maltin.

Fil-hangar issa ta’ easyJet fuq medda ta’ 40,000 metru kwadru u investiment ta’ aktar minn €42 miljun, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif tliet kumpaniji tal-ajru ewlenin fl-Ewropa llum għandhom faċilità tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani f’pajjiżna. Qal li dawn flimkien ma’ kumpaniji oħra importanti jikkontribwixxu f’eko-sistema b’saħħitha fis-settur tal-MRO.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li bil-ftehim imħabbar illum qed inkomplu nsaħħu l-industrija tal-avjazzjoni f’pajjiżna. “Is-sena li għaddiet permezz tal-ħidma ta’ INDIS Malta ftaħna mill-ġdid Taxi way Lima biex b’hekk tajna l-possibbiltà lill-kumpaniji tal-MROs ikunu aktar kompetittivi billi jkunu jistgħu jiddaħħlu f’Malta ajruplani akbar. Dan l-investiment fl-infrastruttura għamilnih għax nemmnu f’dan is-settur li qiegħed jiġbed lejh numru ta’ ħaddiema Maltin. Dan qed isir anke permezz tal-kollaborazzjoni bejn Malta Enterprise u MCAST u l-programm Choosing Aviation.” Il-Ministru Schembri rringrazzja lil SR Technics tas-snin li taw s-servizzi tagħhom minn Malta u lil easyJet tal-fiduċja li qed jagħtu lil dan is-settur f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Operat tal-easyJet David Morgan qal li sodisfatt b’dan il-pass importanti minn easyJet f’Malta. Qal li l-kumpanija tal-ajru għandha rabta speċjali mal-faċilità li issa akkwistat l-istess kumpanija u kuntenta li issa qed tiġbor magħha l-ħaddiema eżistenti mat-tim ta’ easyJet. Spjega kif dan ifisser li l-linja tal-ajru se tkun qed timpjega aktar minn erba’ mitt persuna f’Malta. “Ilna bl-operat tagħna f’Malta għal 15-il sena u nħarsu ’l quddiem li nsaħħu l-preżenza tagħna mhux biss bl-operat ta’ manutenzjoni u tiswija tal-ajruplani iżda fuq kollox inservu lill-klijenti tagħna f’Malta b’konnettività fl-Ewropa,” sostna David Morgan.

Ekonomija

Sport