Friday, April 26, 2024

“Fake news. Lanqas se napplika”; Noel Cutajar dwar l-“interess” għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Aqra wkoll

L-Avukat Noel Cutajar ċaħad rapporti li dehru fil-midja li huwa wieħed mill-kandidati biex jinħatar bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

F’kummenti fuq il-midja soċjali Cutajar iddeskriva bħala “fake news” l-aħbar dwar l-allegat interess tiegħu fil-kariga. Saħansitra huwa żied jgħid li “la jiena interessat u lanqas se napplika”.

Cutajar kien serva fil-Korp tal-Pulizija għal 12-il sena fil-kariga ta’ Spettur. Illum il-ġurnata huwa jipprattika bħala avukat u huwa membri tal-Kummissjoni Elettorali.

Intant is-sejħa pubblika għall-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tingħalaq għada, bl-applikazzjonijiet sussegwentement jiġu evalwati mill-Kummissjoni għas-Servizz Punnliku (PSC).

Wara li ssir l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-PSC se tkun qed tressaq żewġ kandidati għall-għażla finali li ssir mill-Kabinett, bil-persuna magħżula mbagħad tgħaddi minn skrutinju fil-Parlament.

L-emenda fil-liġi għall-mod kif se jkun qed jintgħażel il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija ġiet approvata mill-Parlament b’34 vot favur u 24 kontra nhar l-Erbgħa l-1 ta’ April qabel dan aġġorna għall-btajjel tal-Għid.

Sport