Alicia Navarro, tfajla li kienet irrappurtata nieqsa meta kellha 14-il sena, instabet erba’ snin wara, meta marret minn jeddha f’għassa tal-pulizija u identifikat lilha nnfisha.
Il-midja internazzjonali rrapportat li hija kienet għebet mid-dar tagħha fi Glendale, Arizona lura f’Settembru tal-2019. Ingħad li Alicia kienet kitbet nota lill-ġenituri tagħha li tgħid li kienet se taħrab iżda li se tirritorna lura d-dar.
Il-Pulizija ta’ Glendale kkonfermaw l-identità tat-tfajla u dehret li kienet tinsab fi stat tajjeb ta’ saħħa u kuntenta. Huma iżda qalu li l-każ għadu ‘l bogħod milli jkun “magħluq” hekk kif l-investigazzjoni dwar fejn hija kienet qiegħda toqgħod fl-aħħar erba’ snin għadha għaddejja.
Jose Santiago, il-maniġer tal-komunikazzjoni dwar is-sigurtà pubblika ta’ Glendale, qal li t-tfajla kienet ħerqana sabiex tinforma lill-ġenituri tagħha li kienet irritornat lura u li tinsab tajba.
Min-naħa tiegħu, is-Surġent Scott White, iddeskriva l-mument ta’ meta l-omm u t-tfajla ltaqgħu bħala wieħed emozzjonanti. White qal ukoll li l-Pulizja jinsabu lesti li jaħdmu sabiex isibu tarf għal x’wassal biex Alicia Navarro tagħmel erba’ snin nieqsa.